Il-linja nazzjonali tal-ajru Air Malta trid tkeċċi madwar 300 ħaddiem tal-Cabin Crew dan minkejja li fl-2016 kien ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Union fejn kienet ingħatat garanzija lill-ħaddiema kollha tal-Cabin Crew fuq l-impiegi tagħhom inkluż is-salajrji u l-allowances kollha ntitolati għalihom.
Fid-dawl ta’ dan kollu l-Union tal-Cabin Crew (UCC) ippreżentat protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Ekonomija. Huma qegħdin jitolbuhom biex jintervjenu dwar l-imblokk li jeżisti fil-preżent bejn il-linja nazzjonali u l-membri tal-Union.
Il-union li tirrapreżenta 333 ħaddiema tal-cabin crew, kellha tasal għal din l-azzjoni llegali wara li l-isforzi tagħha, kemm ‘formali u informali,” dwar it-talba biex jintervjeni l-Gvern sfumat fix-xejn.
Il-Union qalet li diversi emails mibgħuta lill-Prim Ministru u l-Ministru kkonċernat baqgħu ma kienux imwieġba, bil-linja tal-ajru nazzjonali l-Air Malta tibqa’ tinsisti biex tkompli bil-pjanijiet tagħha għas-sensji, li jfisser tnaqqis kbir ta’ ħaddiema tal-Cabin Crew fejn dan irid jinżel għal 49.
Il-Gvern li huwa l-azzjonist ewlieni fl-Air Malta kien intrabat mal-union tal-ħaddiema bl-obbligazzjonijiet kollha tiegħu wara li kien sar ftehim bejn iż-żewġ partijiet, u li dan issa qed jinkiser
Il-protest isemmi n-“nuqqas ta’ interess” mill-awtoritajiet tal-Gvern biex jintervjeni u jsalva l-impiegi. Aktar minn hekk f’każ li ssir talba mill-union biex dawn jiġu trasferiti ma’ entitajiet mal-Gvern jew fid-dipartimenti, iridu jsir negozjati mill-ġdid biex jiġu stabbiliti kriterji fuq l-għażla ta’ dawn il-ħaddiema biex jiġu mpjegati.
Minn mindu bdiet fis-seħħ il-pandemija tal-COVID-19 li wasslet għal nuqqas kbir jekk mhux totali tal-operazzjoni tal-linja tal-ajru, l-Air Malta għamlet talba biex tkun tista’ timplimenta “miżuri straordinarji” li jinkludu wkoll tnaqqis fil-pagi b’mod sostanzjali.
Hekk kif il-union kienet qed tikkonsulta mal-membri tagħha, bit-tama li tinstab soluzzjoni ġenwina u ekwa u soluzzjoni reali, l-Air Malta bdiet mill-ewwel il-proċess ta’ tkeċċijiet b’mod kollettiv, u bdiet tinsisti biex tkeċċi l-ħaddiema fi żmien ġimgħa.
Minkejja li l-Union minn dak inhar ivvutat favur ta’ pakkett ta’ proposti offruta mill-kumpanija tal-ajru, l-Air Malta baqgħet tinsisti biex tmexxi ‘l quddiem is-sensji, fejn qalet li l-union ’tilfet l-opportunità’ peress li ma aċċettatx il-miżuri b’mod “immedjat u qasir.”
Sakemm il-union ma aċċettatx miżuri oħra, bħal telf permanenti ta’ qligħ u bidliet permanenti fil-ftehim kollettiv, il-kumpanija kienet determinata li tmur quddiem fil-pjanijiet tagħha. Xi ħaġa li l-Union tal-Cabin Crew ma taqbel xejn dwarha. Il-Protest ġudizzjarju kien iffirmat mill-Avukati Paul Gonzi u Thomas Bugeja f’isem il-Union.
//= $special ?>