Internazzjonali

Renju Unit: Lejn appoġġ speċifiku għal-linji tal-ajru u l-ħaddiema

Il-Gvern fir-Renju Unit jinsab lest biex jgħin lill-ħaddiema affettwati mis-sensji mogħtija minn Ryanair u linji tal-ajru oħrajn waqt il-kriżi tal-Covid-19. Fl-istess ħin, il-Gvern – bħala ‘l-aħħar għażla’ — jista’ anki jiddiskuti l-appoġġ għall-kumpaniji tal-ajru, b’kull każ ikun trattat fuq bażi individwali.

Kelliema għall-Prim Ministru Boris Johnson irrikonoxxew li dan hu żmien diffiċli għall-ħaddiema tal-linji tal-ajru u l-familji tagħhom u qalu li l-Gvern qed jaħseb biex il-ħaddiema jkollhom aċċess għal diversi tipi ta’ appoġġ, inklużi sistemi ta’ Universal Credit u allowances għall-persuni li qed ifittxu x-xogħol.

Il-Gvern Britanniku enfasizza l-importanza tas-settur tal-avvjazzjoni għall-ekonomija u fakkar li l-kumpanniji fir-Renju Unit jistgħu jieħdu s-sostenn mill-miżuri tal-għajnuna bla preċedent li qed ikunu implimentati waqt il-kriżi.

Il-kumpanija Ryanair qed tħejji biex tagħti 3,000 sensja ( jiġifieri lil 15 fil-mija tal-ħaddiema) bħala parti minn proċess ta’ ristrutturizzazzjoni, fost il-kriżi.

Intant, il-Gvern Britanniku qed jagħmilha ċara li ladarba l-linji tal-ajru jiffaċċjaw il-problemi kbar f’sitwazzjonijiet fejn ikunu eżawrew il-miżuri kollha disponibbli, l-amministrazzjoni għandha tkun lesta biex tidħol f’diskussjonijiet mal-kumpaniji fuq livell individwal.

Dan meta l-Gvern jista’ jaċċetta pakkett ta’ għajnuna partikulari għal kumpanija waħda fin-nuqqas ta’ soluzzjoni oħra.

Il-kumpanija British Airways ukoll qed taħseb biex tnaqqas 12,000 minn fost it-42 ħaddiema tagħha, minħabba nuqqas ta’ kummerċ dovut għall-coronavirus.

Sadanittant, in-Nazzjonijiet Uniti wissiet li miljuni ta’ tfal fid-dinja jistgħu jbatu min-nuqqas ta’ mediċina speċifika (bħal tilqim) peress li l-kunsinni qed jinżammu lura b’kaġun tal-impatt tal-pandemija għall-industrija tal-avvjazzjoni.