Lokali

“Wara Covid-19 ejja nibnu ekonomija ġusta” – Moviment Graffitti

“La possibli u lanqas mixtieq li nerġgħu mmorru lura għan-normal”

“Hemm bżonn nibdew naħsbu dwar sistema ekonomika differenti fejn il-ġid jitqassam aħjar u li jkollha fiċ-ċentru tagħha l-ħaddiema u l-kwalità tal-ħajja tagħna”.

Hekk sostnew il-Moviment Graffitti fejn spjegaw li bħala pajjiż neħtieġu ekonomija bbażata fuq pagi ogħla u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin għal kulħadd; taxxi ogħla fuq min jagħmel ħafna qligħ u għandu ħafna assi; u demokrazija fl-isfera ekonomika fejn il-ħaddiema jkollhom sehem fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-postijiet tax-xogħol tagħhom.

Għaldaqstant huma spjegaw li la huwa possibbli u lanqas mhuwa mixtieq li wara l-kriżi pandemika mmorru lura “għan-normal”, ġifieri kif spjegaw huma għall-ekonomija inġusta li kellna qabel. Fl-istess stqarrija ġie spjegat li dan mhux se jkun possibbli għaliex il-Covid-19 se jkollu impatt fit-tul ħafna li inevitabbilment se jxekkel it-tkabbir ekonomiku, “Iżda lanqas mhuwa mixtieq għaliex sistema bbażata biss fuq it-tkabbir ekonomiku twassal għal sfruttament, inugwaljanzi kbar u qerda ambjentali”.

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Moviment Graffitti xtaq jirringrazzja lill-ħaddiema kollha li bħalissa qed jaħdmu bla waqfien sabiex jiżguraw is-servizzi essenzjali waqt il-kriżi tal-Covid-19, filwaqt li esprima s-solidarjetà sħiħa tiegħu ma’ dawk il-ħaddiema li għaddejjin minn inċertezzi, prekarjat u sfruttament.

Huma saħqu li din il-kriżi wriet li l-ħaddiema bl-inqas pagi – bħal dawk fis-setturi tas-saħħa, tat-tindif u l-iskart, tas-sewqan u tad-distribuzzjoni tal-ikel – huma fil-fatt il-ħaddiema li ma nistgħux ngħaddu mingħajrhom.

Moviment Graffitti ikkundannaw l-aġir kif mal-ewwel sinjali ta’ kriżi, uħud mill-ikbar kumpaniji fil-pajjiż. Huma allegaw li kien hemm ħaddiema li ġew imkeċċija b’sempliċiment messaġġ fuq il-mobile mill-istess kumpaniji li għal snin twal użawhom biex isiru sinjuri.

Finalment Moviment Graffitti proponew li l-bini ta’ ekonomija aktar ġusta jibda minnufih bħal pereżempju: li l-ħaddiema jingħataw ishma fil-kumpanija; u li l-kumpanija tikkontribwixxi għall-benesseri tas-soċjetà billi ċertu assi mhux produttivi li għandha – bħal propjetà immobbli li tkun akkwistat biss għal fini ta’ spekulazzjoni – isiru pubbliċi.