Coronavirus Lokali

Żewġ każi ġodda u jfiqu 16 oħra – il-każi attivi jinżlu taħt il-100

  • “Importanti li dak li ħdimna għalih ma jintilifx” – il-Professur Charmaine Gauci

“Dak kollu li hdimna għalih b’sagrifiċċju kbir irridu naraw li ma nitilfuhx.” Messaġġ ċar li twassal mill-Professur Charmaine Gauci meta prezentat il-Bulletin Mediku tal-ġurnata illi fih tat ħarsa lejn l-istampa prezenti tal-Covid-19 f’pajjizna.

Hi qalet li l-ftuħ gradwali u fi stadji differenti ta’ negozji u servizzi qed isir skont il-livell ta’ riskju ta’ trażmissjoni tal-virus. Hu għalhekk ukoll li hu f’dan l-istadju li l-pubbliku qed jintalab jilbes il-maskri. Issa l-minimu ta’ persuni li jistgħu jinġabru fi gruppi, ittella’ minn 3 għal 4 persuni.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika saħqet li issa hu importanti li jkunu evitat każi importati u għaldaqstant, l-Ajruport għalissa se jinżamm magħluq. Il-Professur Gauci fissret kemm hu importanti li f’dan l-istadju, il-mizuri ma jitnehhewx kollha f’daqqa.

Dwar l-iżviluppi f’dawn l-aħħar 24 siegħa, minn 1,184 test, kien hemm żewġ każi pożittivi; wieħed f’Għawdex u ieħor u fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far li għadu taħt kwarantina. Issa, l-każi totali ta’ Coronavirus f’Malta telgħu għal 467.

Fl-istess 24 siegħa, 16-il persuna oħra fiequ mill-virus biex issa, it-total ta’ persuni li fiequ hu ta’ 367. Meta ma’ dawn jitnaqqsu wkoll l-erba’ fatalitajiet, in-numru ta’ każi attivi issa hu ta’ 96 każ.

Il-Professur Gauci qalet ukoll li iktar minn 14,000 persuna nizzlu u użaw l-app mnedija l-Ħamis li permezz tagħha, il-pubbliku jista’ jiccekkja jekk ghandux sintomi li jistghu jindikaw il-prezenza tal-virus.