Formula 1 Sport

20 SENA ILU: David Coulthard jeħlisha ħafif f’inċident b’ajruplan

2 TA’ MEJJU 2000

L-eks sewwieq tal-Formula 1 David Coulthard ħelisha ħafif 20 sena ilu wara li kien involut f’inċident serju meta kkraxxja l-ajruplan żgħir li kien fuq fl-ajruport ta’ Lyon. F’dan l-inċident miet il-bdot tal-ajruplan u l-co-pilot iżda fortunatament Coulthard baqa’ ħaj. Il-kundizzjoni tiegħu ma kinitx allarmanti skont kelliem għall-Isptar ta’ Eduard Herriot u ma sofra l-ebda ksur.

L-għarusa ta’ Coulthard, il-mudella Heidi Winchelski flimkien ma’ gwardja personali wkoll kienu fost il-passiġġieri fuq l-ajruplan imma anke huma ħelsuha ħafif. L-ajruplan kien sejjer fi triqtu minn Londra lejn Nice u l-inċident seħħ għal ħabta tas-2.30pm meta l-ajruplan kien nieżel fil-belt Franċiża.

Jidher li l-ajruplan żviluppa ħsarat fil-magna u talab inżul ta’ emerġenza. L-ajruplan ħa n-nar fuq ir-runway u l-parti ta’ quddiem inqerdet għal kollox. Dawk abbord ħarġu jiġru mit-twieqi. Coulthard ċempel mill-ewwel lill-manager ta’ McLaren Ian Cunningham sabiex jinfurmah li kien ħelisha ħafif. Kelliem għat-tim qal li l-Iskoċċiż xorta waħda kien se jkun tajjeb biex itellaq fil-Grand Prix ta’ Barcellona.

(Ritratt: EPA)