Futbol Sport

22 SENA ILU: Folla rekord u penalties deċiżivi fir-rebħ tas-16-il kampjonat ta’ Valletta

2 TA’ MEJJU 1998

Bħal-lum 22 sena ilu, l-attenzjoni tal-maġġoranza tal-poplu Malti kienet fuq il-konfront deċiżiv għar-rebħ tal-kampjonat bejn Valletta u Birkirkara. Ix-xenarju kien sempliċi hekk kif dan il-konfront kien l-aħħar wieħed tal-kampjonat u inzerta li kien bejn iż-żewġ sfidanti. Birkirkara daħlu għal din il-logħba bi 63 punt u draw kien ikun biżżejjed għalihom biex jirbħu l-ewwel kampjonat fl-istorja. Valletta bdew il-logħba bi 62 punt u għalhekk kellhom bżonn rebħa bilfors.

Folla rekord attendiet għal din il-partita, spettaklu kbir bejn iż-żewġ settijiet ta’ partitarji. Fuq naħa aħmar u isfar ta’ Birkirkara u fuq in-naħa l-oħra abjad u aħmar ta’ Valletta, bl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali maqsum min-nofs. Il-partita offriet minn kollox, żewġ penalties wieħed minnhom salvat, żewġ tkeċċijiet u żewġ gowls oħra. Il-futbol Malti serva ta’ riklam mill-aqwa, bil-bibien tal-grawnd jingħalqu ferm qabel il-bidu tal-logħba. Ftit jiem wara, kienet ħarġet l-aħbar li l-attendenza kienet ta’ 18,000 spettatur, b’14,000 spettatur iħallsu għal dan il-konfront.

Birkirkara setgħu marru fil-vantaġġ wara 19-il minuta meta Chucks Nwoko twaqqa’ fil-kaxxa minn Kris Laferla u Joe Camilleri, bir-referee Freddie Micallef jordna penalty. Inkariga ruħu Joe Brincat li iżda ra x-xutt ikun imdawwar f’korner b’mod spettakolari minn Reggie Cini. Valletta fetħu l-iskor wara nofs siegħa logħob. Azzjoni ta’ Drasko Braunovic mal-lemin li tefa’ kross għan-nofs, id-difiża Karkariża biegħdet parzjalment, bil-ballun jispiċċa fid-direzzjoni ta’ STEFAN GIGLIO li b’xutt stupend minn fuq il-linja tal-kaxxa l-kbira, għeleb lil Musbah Shangeb b’xutt fir-rokna ta’ fuq tal-lasta.

Birkirkara ġabu d-draw eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima. Joe Brincat għadda lejn Chucks Nwoko li bi kross fil-baxx mil-lemin indirizza lil IVAN ZAMMIT li antiċipa lil Nicky Saliba u għeleb lil Reggie Cini. Valletta kellhom ikomplu l-logħba b’raġel anqas fil-65 minuta meta tkeċċa Braunovic wara daħla minn wara fuq Zammit. Iżda proprju ftit sekondi wara Valletta ngħataw penalty meta s-sostitut Jeremy Agius ġie ġġudikat li twaqqa’ minn Jonathan Magri Overend fil-kaxxa. Il-veteran JOE ZARB ta l-penalty u bagħat lil Shangeb in-naħa l-oħra tal-ballun.

Il-President ta’ Birkirkara Victor Zammit jieħu b’idejn il-partitarji Beltin

Il-logħba ħadet żvolta oħra hekk kif issa kienu Birkirkara li kellhom bżonn il-gowl u b’superjorità numerika. Fl-aħħar minuti, Valletta saħansitra kellhom jilagħbu b’disa’ plejers wara li tkeċċa Giglio għal daħla ta’ nervożiżmu fuq Michael Cutajar. It-tisfira finali tar-referee Micallef ġabet ferħ kbir mill-plejers, diriġenti u partitarji ta’ Valletta. Fuq in-naħa l-oħra, diżappunt kif mistenni fuq il-partitarji ta’ Birkirkara. Ġest sabiħ kien dak tal-President ta’ Birkirkara Victor Zammit li bl-aktar mod sportiv sellem lill-partitarji ta’ Valletta.

Fi tmiem il-logħba, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Joe Mifsud ippreżenta t-trofew Coca Cola lill-gowlkiper ta’ Valletta Reggie Cini li għolla t-trofew tqil b’id waħda.