Futbol Sport

50 SENA ILU: Floriana jiċċelebraw ir-rebħ tal-21 kampjonat bl-unika telfa f’14-il logħba

(Ritratt: Sunday Times)

2 TA’ MEJJU 1970

Bħal-lum ħamsin sena, Floriana ċċelebraw ir-rebħ tal-21 kampjonat. Iżda kuntrarju għall-partiti tul dak il-kampjonat, Floriana tilfu l-aħħar logħba kontra Hibernians 1-0 f’dik li ma kinitx prestazzjoni tas-soltu li wasslet biex il-Furjaniżi rebħu l-kampjonat. Floriana spiċċaw il-kampjonat b’disa’ rebħiet, erba’ draws u telfa. Huma skorjaw 19-il gowl u sofrew seba’ gowls biex temmew bi 22 punti, f’perjodu meta għal kull rebħa kienet tingħata żewġ punti.

Il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal wara biss tliet minuti meta Buckle avvanza fuq il-lemin u qassam lejn Ċikku Mifsud li qassam lil Karmenu Micallef li fuq il-ġirja għeleb lil Tony Borg. It-telfa ftit għamlet differenza għall-Furjaniżi li xorta ċċelebraw b’mijiet ta’ karozzi, xarabanks u vannijiet li marru lejn il-Gżira u lura l-Furjana wara l-logħba. Mal-wasla tagħhom, il-plejers Furjaniżi nġarrew fuq l-ispallejn mill-partitarji.

(Ritratt: L-orizzont)
(Ritratt: Sunday Times)