“Aħna nemmnu fil-valur ta’ kull persuna, u mijiet ta’ persuni qegħdin jirrikonoxxu l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista għax il-poltika tagħna mhix ibbażata fuq il-populiżmu iżda fuq il-valuri. Il-politika tagħna hija waħda fejn il-persuna fiha fiċ-ċentru tal-politika, mhux popolista fejn nibbażaw fuq star candidates. L-aħħar star candidate tal-Partit Laburista kien Konrad Mizzi, li kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u li kien kompliċi fl-iżjed deals ħżiena u korrotti li qatt saru.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat mill-ġurnalist ta’ Lovin Malta Chris Peregin.
Adrian Delia qal li wara li ffirma kuntratti biex jisraq lil Maltin u l-Għawdxin u l-familji tagħhom, Konrad Mizzi lanqas biss resaq lejn il-Parlament biex jispjega dwar id-deal ħażin tat-tliet sptarijiet waqt id-diskussjoni fuq il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex dawn l-isptarijiet jingħataw lura lill-poplu. Adrian Delia spjega li din il-mozzjoni tressqet wara li kienet il-midja li kixfet kif f’Awwissu tal-2019, Konrad Mizzi minn wara dahar kulħadd iffirma kuntratt biex nagħtu €100,000,000 lil Steward u nħallsu d-dejn biex jinħall il-kuntratt anke jekk ikun tort tagħhom. Robert Abela qed jagħti l-impressjoni li s-settur tas-saħħa ta’ pajjiżna qed jitmexxa minn Steward meta dan mhux minnu u meta dawn għandhom tliet sptarijiet.
Adrian Delia qal li meta r-riżorsi tagħna huma limitati, f’dan iż-żmien tal-imxija tal-COVID-19 il-flus tan-nies għandna ninvestuhom verament fis-settur tas-saħħa u mhux nagħtu €90 miljun kull sena lil kumpanija barranija li baqgħet qatt ma tagħtna xejn.
Il-Kap tal-PN qal li l-populiżmu ta’ Robert Abela u l-Gvern tidher ukoll fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni, li qed juża dan is-suġġett sensittiv bħala ballun politiku biex jifred lin-nies f’dawn iż-żminijiet meta huwa ferm bżonnjuż li nkunu magħqudin bħala poplu. Robert Abela bl-iżjed mod żleali, immorali u mhux korrett qed jigdeb u jipprova jġib lill-Oppożizzjoni kontra l-Forzi Armati ta’ Malta meta dan mhux veru.
Adrian Delia qal li l-PN jemmen li fi kwalunkwe każ irridu nsalvaw il-ħajja, jitħarrsu l-obbligi internazzjonali ta’ pajjiżna jiġi stabbilit min għandu dritt għall-ażil u dawk li m’għandhomx dan id-dritt jintbagħtu lura filwaqt li dawk eleġibbli jitqassmu mal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea filwaqt li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikanti tal-persuni. Huwa qal li bil-kontra tal-Prim Ministru ta’ qablu, Robert Abela jrid jinjora l-Oppożizzjoni u mhux qed jaqsam l-informazzjoni dwar il-każijiet tal-immigrazzjoni meta bħala Kap tal-Oppożizzjoni huwa għandu rwol Kostituzzjoni li jrid jaqdi. Mistoqsi dwar il-kaċċa u l-proposta li l-Aħrax tal-Mellieħa jew il-Miżieb jingħataw lill-kaċċaturi, Adrian Delia qal li hu ma jista’ jaqbel qatt mal-illegalitajiet u li l-liġi għandha dejjem tiġi rispettata, iżda jekk xi ħadd iwettaq illegalità m’għandux jeħel kulħadd. Huwa qal li qatt ma jista’ jaqbel li art tingħata esklussivament lil xi ħadd mingħajr mal-popli Malti jibqa’ jkollu aċċess għal dik l-art.
Il-Kap tal-PN rringrazzja lil dawk kollha li kkontribwew, għenu jew taw sehemhom waqt l-edizzjoni speċjali ta’ NET Live tal-bieraħ u għenu lill-Partit Nazzjonalista u l-midja biex jibqa’ jwassal il-messaġġ.
Adrian Delia qal li bil-kontra tal-Partit Laburista, il-Partit Nazzjonalista qatt ma kellu l-arroganza li jaħtaf l-assi tal-poplu u jeħodhom għalih biex igawdi finanzjarjament minnhom, il-PN jiddependi mill-għajnuna tal-ftit mingħand il-ħafna. Huwa spjega l-pjan finanzjarju tal-partit, li minflok inbiegħu l-każini nikkummerċjalizzawhom biex nużawhom ukoll biex jipprovdu dħul u b’hekk jissaħħu kemm il-PN kif ukoll il-midja.
//= $special ?>