Coronavirus Lokali

Appell għall-paċenzja u l-koperazzjoni

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji appellat għall-paċenzja u għall-kollaborazzjoni ta’ kulħadd, hekk kif se jibdew ikunu rilaxxati ċerti miżuri ta’ restrizzjoni kontra l-imxija tal-Coronavirus.

Fi stqarrija, il-Kamra qalet li taqbel mal-idea li ċerti ħwienet jerġgħu jitħallew jiftħu għax din tista’ tkun sinja li qed noqorbu lejn in-normalità. Madankollu, irrikonoxxiet li t-triq għadha twila u dan hu biss il-bidu. Kif naġixxu fil-jiem li ġejjin jaf jiddetermina l-passi ‘l quddiem.

Għaldaqstant, il-Kamra enfasizzat l-importanza li l-komunità kummerċjali u l-konsumaturi jużaw sew din l-opportunità, filwaqt li jobdu d-direttivi li qed jinħarġu mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Il-Kamra qalet li ħafna mill-membri tagħha esprimew tħassib, fost l-oħrajn għax qed jaraw li wħud mill-impjegati ma jridux jidħlu lura għax-xogħol ħalli jkomplu jieħdu ħsieb uliedhom. Oħrajn qed jinkwietaw li min jikrilhom l-ispazju se jerġa’ jibda jiġri warajhom għall-flus tal-kirja, ladarba se jkunu jistgħu jerġgħu jiftħu.

Hu f’dan il-kuntest li l-Kamra tal-SMEs appellat għall-paċenzja u l-koperazzjoni ta’ kulħadd għax dan hu l-unikumod kif l-ekonomija tista’ terġa’ tibda tirkupra u tiġi lura fuq saqajha.