Raġel Għawdxi qed jiġi nterrogat u mistenni jitressaq il-Qorti wara li grazzi għall-ħidma bla heda mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga wasslet biex dan jiġi arrestat.
Ix-xogħol kontra l-kriminalità kompla wkoll f’Għawdex u wara diversi jiem ta’ osservazzjoni u nvestigazzjoni b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga, il-Pulizija arrestat raġel ta’ 34 sena, residenti l-Għarb.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li l-Ġimgħa filgħodu, ir-raġel deher ħiereġ mir-residenza tiegħu fl-Għarb. Huwa mill-ewwel saq lejn il-Qala u hemmhekk daħal f’residenza oħra.
Wara xi ħin fil-post, ir-raġel ħareġ u saq lejn ir-Rabat. Kien f’dan il-ħin, li l-Pulizija, għall-ħabta 1130am. iċċirkondaw il-vettura li kien fiha fi Pjazza tat-Tokk.
Fi tfittxija li saret fil-karozza, l-Pulizija sabu basket żgħir u fih kien hemm sustanza bajda suspettata droga kokaina. It-tfittxijiet mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, assistiti mis-Sezzjoni tal-Klieb, issoktaw fir-residenza tar-raġel fl-Għarb, kif ukoll fil-post fejn ir-raġel daħal fil-Qala.
F’dawn it-tfittxijiet instabu sustanzi suspettati kokaina u eroina. Ir-raġel qed jinżamm arrestat u mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat illi ġejjin. Fuq il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Dr Simone Grech LL.D.
//= $special ?>