Żewġ żgħażagħ ġew immultati €900 kull wieħed wara li quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia ammettew li heddew żewġ uffiċjali tal-Pulizija, wara li dawn waqqfuhom peress li kienu fil-kumpanija ta’ persuni oħra u għaldaqstant setgħu kienu qegħdin jiksru l-liġi tas-‘social distancing’ . Dan peress li kienu fi gruppi ta’ sitt persuni.
Il-każ seħħ nhar il-Ġimgħa, l-1 ta’ Mejju fil-Bajja ta’ San Ġorġ. Erin Portelli ta’ 18-il sena minn San Pawl il-Baħar u Elsie Pisani ta’ 20 sena mis-Siġġiewi twaqqfu mill-Pulizija għax dawn deherilhom li kienu qegħdin jiksru l-Avviż Legali fuq li daħal fis-seħħ minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Kien għalhekk li sar ‘spot-check’ fuqhom.
Il-ġuvni u t-tfajla ma ħadux pjaċir b’dan kollu u heddew lill-uffiċjali. Huma ammettew ukoll akkużi li kisru l-paċi pubblika filwaqt li l-ġuvni ammetta wkoll li dak il-ħin kien taħt l-effetti tax-xorb.
Minbarra l-multa l-ġuvni ġie lliberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien tmien xhur filwaqt li t-tfajla ġiet illiberata bil-kundizzjoni li ma twettaqx reat ieħor fi żmien ta’ sitt xhur. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Xerri.
F’każ separat mara Ngliża ta’ 48 sena, residenti Pembroke ġiet mixlija quddiem l-istess Maġistrat li fl-1 ta’ Mejju ħebbet u attakkat uffiċjal tal-Pulizija u kkaġunatilha ġrieħi ħfief.
Hija ġiet akkużata wkoll li fi Triq San Ġorġ f’Paceville kisret il-paċi pubblika. meta allegatament l-akkużata kienet taħt l-influwenza tax-xorb, u għalhekk ma kinitx f’pożizzjoni li tieħu ħsieb tagħha nnifisha.
Hija wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjubin kontriha u ngħatat il-ħelsien mill-arrest bil-Qorti tordni li titqiegħed taħt il-ħarsien ta’ uffiċjal tal-probation minħabba l-problema tal-alkoħol u li tiffirma fl-Ġħassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan darbtejn fil-ġimgħa.
//= $special ?>

