Coronavirus Lokali

Ix-xogħol qed jiġri wara n-nies – Robert Abela

Minkejja ż-żieda ta' 800 fost il-persuni bla impjieg fl-ewwel ġimgħat mill-imxija tal-Coronavirus

Propju fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Partit Laburista reġa’ xejjen kwalunkwe differenza bejn il-Partit u l-Gvern.

L-attività ewlenija tal-Partit Laburista kienet intervista li l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela kellu fuq il-media Laburista stess. Intervista mimlija mistoqsijiet imħejjija minn qabel ma’ għadd ta’ ħaddiema. Iżda anke hawn, il-Partit Laburista uża ufficjal pubbliku biex Abela seta’ jwassal messaġġ politiku fuq stazzjon politiku.

Matul l-intervista, il-Mexxej Laburista qal li bħalissa, ix-xogħol qed jiġri wara n-nies. Madankollu, Abela m’għamel l-ebda referenza għat-tħassib ta’ ħafna, hekk kif wara biss ftit gimghat minn meta faqqgħet l-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna, diga’ hemm 800 persuna li spiċċaw bla xogħol.

Barra minhekk, hu pprova jiftaħar b’għajnuniet li skont hu ngħataw lill-Maltin u l-Għawdxin. Iżda naqas ukoll milli jgħid li eluf ta’ ħaddiema u min iħaddimhom intesew mill-Gvern u spiċċaw mingħajr ebda għajnuna.

Minkejja li quddiemu kellu wkoll Infermiera, il-Mexxej Laburista ma għamel l-ebda referenza lanqas għall-mod kif, 24 siegħa biss qabel, il-Partit immexxi minnu reġa’ ħalla tliet Sptarijiet Pubbliċi f’idejn kumpanija privata barranija li lanqas investiet centezmu.

Dan hekk kif id-Deputati tal-Gvern ivvutaw kontra Mozzjoni tal-Oppożizzjoni, li talbet biex l-Isptar Karin Grech, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jerġgħu jingħaddu f’idejn il-poplu.

Min-naħa l-oħra, wara dikjarazzjoni ta’ Assistenta Kap ta’ Skola, il-Prim Ministru kellu jammetti li Gvernijiet Nazzjonalisti għamlu ħafna fis-settur tal-Edukazzjoni, tant li l-Għalliema llum sabu l-għodod preżenti għalihom.

L-intervista tmexxiet minn bint il-preżentatriċi tax-Xandir tal-Istat li ftit tal-jiem ilu intervistat lill-istess Mexxej Laburista fuq l-istazzjon Laburista stess.