Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

Jikber l-appell biex ikun hemm pjan ekonomiku ċar għal wara l-pandemija

Is-Sibt filgħodu l-fergħa Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista organizzat Konferenza fuq NET FM bħala parti mill-attivitajiet relatati ma’ Jum il-Ħaddiem. Permezz ta’ din il-Konferenza l-Partit Nazzjonalista qed juri kemm hu partit pro-attiv miftuħ għal diskussjoni u ideat b’rabta mal-pandemija tal-COVID. 

Is-Segretarju Ġenerali tal-PNFrancis Zammit Dimech qal li f’dan is-sitwazzjoni li qed ngħixu fiha, il-Partit Nazzjonalsita qed jagħti importanza kbira lill-ħaddiema u l-familji tagħhom. Huwa importanti li  nkunu viċin is-seturi kollha, ħalli meta noffru l-proposti tal-PN, ikunu proposti li jirriflettu s-sitwazzjonijiet li jkunu għaddejjin minnhom in-nies.

Francis Zammit Dimech saħaq li issa wasalna fi żmien fejn irridu nħrasu lil hinn mill-pandemija…. għalhekk irridu nibqgħu niffukaw fuq l-effeetti li din qed ikollha fuq il-ħaddiema, irridu naraw ukoll ir-riperkussjonijiet wara li jgħaddi dan il-virus.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN reġa’ fakkar fil-100,000 ħaddiema li m’huma qed jirċievu ebda benefiċċju… ħaddiema li finalment huma s-sinsla ta’ pajjiżna.

Francis Zammit Dimech wassal messaġġ ta’ kuraġġ u tama, filwaqt li jemmen li flimkien se jirnexxielna noħorġu minn din il-kriżi bl-aħjar mod possibbli.

Finalment huwa rringrazzja lill-ħaddiema kolha ta’ media.link communications, hekk kif f’din is-sitwazzjoni straordinarja li qed ngħixu, qed ikunu t-tarka favur il-verità fejn baqgħu jaħdmu qatigħ sabiex jagħtu l-aqwa informazzjoni lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-SHPN Ivan Castillo qal li permezz ta’ din il-Konferenza se nkunu nistgħu nfasslu l-proposti għall-pass li jmiss wara din il-pandemija. Huwa importanti li nibdew naħsbu diversifikament dwar kif nibdew nużaw il-work force ta’ pajjiżna. Proposti dwar kif l-employers jistgħu  jiggeneraw in-negozji tagħhom sabiex l-ekonomija ta’ pajjiżna ma tibqax lura.

F’din ir-radio conference, li kienet immexxija minn Angelo Micallef, ħadu sehem diversi unions u korpi kostitwiti.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers, Josef Vella qal li l-impatt ta’ din il-pandemija huwa wieħed wiesgħa. Dak li qabel ma tantx konna nagħtu kasu, issa, għax ma kellniex alternattiva oħra, bdejna nagħtuh iktar importanza. Huwa qal li minn dan kollu jkun żball jekk x’ħin niġu biex nitkellmu fuq post covid period, nagħfsu l-buttuna biex nerġgħu mmorru ghal dak li konna qabel. Jekk dan iseħħ, dan ikun ifisser li minn din il-krizi ma nkunu tgħallimna xejn.

Josef Vella qal li l-postijiet tax-xogħol għandhom ikomplu jħeġġu biex ikun hemm teleworking u tintuża t-tekonoloġija biex isiru laqgħat virtwali. Saħaq li rridu nibdew nesperimentaw b’modi ġodda. Dan għandu jservi wkoll ta’ benefiċċju għall-ambjent. Il-Post covid period għandu jkun wieħed interessanti fejn naraw kemm se nkunu kreattivi sabiex noħolqu l-futur ta’ għadda.

Abigail Mamo, Kap Eżekuttiv tal-Kamra Maltija tal-SME’s, fissret li l-probema ta’ cashflow tan-negozji diġà mhix sostenibbli u jekk mhix se tingħata b’mod immedjat l-għajnua mħabbra mill-Gvern taf imbagħad tkun tard wisq biex in-negozji jsalvaw. Hija qalet li ħafna negozji għandhom problemi ta’ likwidità minħabba li d-direzzjoni li kienu qed jingħataw qabel il-kriżi maħluqa mill-pandemija kienet biex jinvestu u jkabbru l-operat tan-negozju waqt li issa x-xogħol u n-negozju hu staġnat għalkollox.

B’rabta mad-deċiżjoni tal-Gvern li mit-Tnejn se jitnaqqsu l-miżuri ristrettivi, Abigail Mamo kkummentat li dan ma jfissirx li m’hemmx bżonn ta’ aktar għajnuna għaliex it-triq ta’ rkupru hi twila ħafna u wieħed għad irid jara x’se jkunu l-effetti ta’ dan it-tnaqqis ta’ restrizzjonijiet meta ħafna negozji qed jaraw li jridu jerġgħu jibdew mill-ġdid biex jippromwovu n-negozju tagħhom.

Enfasizzat li l-għajnuna mħabbra mill-Gvern, għalkemm żgur li mhix se ssolvi l-problemi kollha tan-negozji iżda hi ta’ għajnuna, trid tingħata mingħajr ebda diskriminazzjoni u lil kull min qed jiġi milqut. Ilmentat ukoll mill-fat li ħafna applikazzjonijiet li qed jibagħtu n-negozji lill-Gvern mhumiex jintlaqgħu u l-istess negozji qegħdin jerġgħu japplikaw b’aktar informazzjoni u dettalji dwar il-mod ta’ kif qed jintlaqtu. ​

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja tkellem fuq l-importanti li s-servizzi soċjali għandhom jibqgħu siguri.  Dan sabiex biex kulħadd ikollu ħajja adegwata.  Huwa saħaq li huwa importanti ferm li nibqgħu ngħinu lill-persuni vulnerabbli kollha.  

Id-Direttu Ġenerali tal-MEA Joe Farrugia qal li l-iskemi ta’ għajnuna li ħarġu mill-Gvern, x’aktarx se jkollhom jibqgħu għaddejiijn għal diversi gimgħat u xhur. Huwa qal li n-normalità li se jkun hemm, mhux se tkun in-normalità li aħna mdorrijin biha. Joe Farrugia qal li l-proposta li jitraħħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma hija prosposta li għandha tiġi kkunsidrata. Fiċ-ċirkustanzi li ninsabu fihom, huwa qali li iktar ma jkollna miżuri li jistgħu jerġgħu jqajmu l-ekonomija, iktar aħjar. F’Malta hawn sens ta’ intrapriża qawwi u ħaddiema produttivi… element qawwi ta’ kreattività.

Min-naħa tiegħu Gejtu Vella qal li l-Gvern għandu jagħraf juża u jieħu l-opportunità f’din is sitwazzjoni. Il-ħaddiem għandu jkun fic-centru ta’ ekomomija ġdida wara li jħaddi dan il-perjodu li ninsabu fih bħalissa. Pajjiżna wkoll inltaqat minn din il-pandemija… qed nara sitwazzjonijiet fejn hemm nies li spiċċaw bla saqaf fuq rashom. L-għajnuna lil dawn il-persuni għandha tingħata speċifikament mill-Gvern, fejn għandu jkollna ekonomija li tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru ta’ kollox.

Gejtu Vella qal li l-Gvern mhux qed jifhem id-diffikaltà li qed jgħaddu minnhom ċerti negozji. Huwa saqse jekk il-pensjonanti tal-lum u ta’ għada hux se jkollhom pensjoni? Il-Gvern kellu pjan strutturat f’dan ir-rigward? Il-firxa kbira ta’ qasam soċjali hemm bżonn li nibqgħu solidali magħha. L-istat għandu jgħinuhom biex ikolhom kwalità ta’ ħajja tajba meta jiġu biex jirtiraw mill-postjiet tax-xogħol tagħhom.  Huwa saħaq li it-taħriġ għall-ħaddiema huwa importanti għal kulħadd tul il-ħajja kollha.

Fl-intervent tiegħu, il-Viċi Kap tal-PN David Agius qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kellu qalbu mal-ħaddiema… partit li dejjem ta viżjoni lill-ħaddiema. David Agius qal li l-ħaddiem, jekk ikollu l-għodod kolha neċessarji… mingħajr ebda xkiel, jinsab ċert li jkollna pajjiż li jimxi ekonomikament ħafna aħjar.

Huwa saħaq li l-poplu Malti kapaċi joħroġ minn dan il-perjodu aktar rebbieħ. Fil-bidu ta’ din il-kriżi tal-COVID-19, kien il-PN li laqqa’ l-imsieħba soċjali kollha flimkien. Il-proposta tal-PN li jitraħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma bin-nofs hija waħda validissima għax tolqot lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin kollha. Bħala Partit irridu nkomplu nitkellmu f’isem il-ħaddiem Malti u Għawdxi.

Il-Viċi Kap tal-PN sosnta li fi kriżi bħal din huwa importanti ferm li naħdmu id f’id. Kulħadd għandu bżonn xulxin… is-soċjetà taħdem billi kulħadd ikun magħġun flimkien. Importanti li ma jkollokx Gvern li l-ewwel jgħid mod imbagħad ibiddel dak li jkun qal.

David Agius qal li kien il-Partit Nazzjonalista li bil-politika tiegħu biddel dan il-pajjiż għall-aħjar. Huwa tenna r-ringrazzjament tiegħu lill-ħaddiema kollha ta’ Net Telvision.

Kien il-Partit Nazzjonalista li dawwar l-isfidi f’opportunitajiet… li għamel rivoluzzjoniji għall-ġid tal-ħaddiema Maltin.  

David Agius irringrazzja lill-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa f’pajjiżna. Huwa tkellem dwar il-ftehim li l-Gvern għamel ma’ Vitals u wara ma’ Steward. Ftehim li qed jitħallas mit-taxxi tal-Maltin u l-Għawdxin.. ftehim li minnu ma ħadna xejn lura.

Il-Viċi Kap tal-PN tkellem fuq il-ħlas lill-Electrogas – 40 miljun fis-sena. Dan meta bħalissa kien hemm tnaqqis fil-prezz internazzjonali taż-żejt.

Saħaq fuq l-importanza li jiżdied l-ammont ta’ flus tagħna fil-qasam tal-edukazzjoni… settur importanti ferm f’pajjiżna.