Coronavirus Internazzjonali

Kim Jong-Un jerġa’ jitfaċċa wara kważi 3 ġimgħat

Ritratt: REUTERS
Id-dehra fil-pubbliku tiegħu ttemm jiem ta' spekulazzjoni dwar jekk il-Mexxej tal-Korea ta' Fuq mietx jew le

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-Un, reġa’ tfaċċa fil-pubbliku għall-ewwel darba fil-pubbliku wara kważi 3 ġimgħat, skont ix-xandir tal-istat tal-istess pajjiż komunista.

Din id-dehra, li seħħet waqt li kien qed jaqta’ ż-żigarella fil-ftuħ ta’ fabbrika f’reġjun fit-tramuntana ta’ Pyongyang, xejjnet kwalunkwe spekulazzjoni jekk kienx miet jew le iżda għadu mhix magħrufa r-raġuni għalfejn għeb sa mill-aħħar dehra tiegħu fit-12 t’April mix-xena pubblika.

Ir-rapport ippubblikat mix-xandir tal-istat, li ma jistax jiġi ikkonfermat indipendentament, jgħid li Kim Jong-Un intlaqa’ b’ewforija liema bħalha minn dawk preżenti mal-wasla tiegħu l-Ġimgħa. Huwa kien akkumpanjat minn bosta uffiċjali għolja tal-Korea ta’ Fuq, fosthom oħt il-Mexxej, Kim Yo Jong.

Fiċ-ċeremonja tal-ftuħ, Kim Jong-Un kien ikkwotat jgħid li kien sodisfat bis-sistema ta’ produzzjoni tal-fabbrika, u faħħar il-kontribut li tagħti lill-progress tal-industrija kemikali u l-produzzjoni tal-ikel tal-pajjiż.

Fl-aħħar ġimgħat, kienet kibbret l-ispekulazzjoni globali dwar jekk kienx kritikament marid iżda ir-reġim fi Pyongyang dejjem saħaq li ‘pajjiżu ma għandu l-ebda każi konfermati tal-Covid-19’. Dan wara li l-Mexxej komunista għall-ewwel darba naqas milli jattendi wieħed mill-akbar avvenimenti fil-pajjiż li ssir fil-15 t’April, dik f’għeluq snin nannuh, Kim Il Sung, il-fundatur tar-reġin komunista, li fiha kien iżur il-qabar tiegħu.