Lokali

L-alfabett Malti ma jistax jintuża – L-Akkademja tal-Malti b’appell lill-Gvern biex jaġġorna s-sistema

Permezz ta’ stqarrija l-Akkademja tal-Malti qed titlob lir-Reġistru Pubbliku biex jieħu passi minnufih u jaġġornaw lilhom infushom u jkollhom sistema moderna bl-ittri kollha li jinsabu fl-alfabett Malti.

“F’ġieħ l-ilsien nazzjonali….”

Hija qalet li riċentament qrat l-aħbar li l-ġenituri li jagħżlu li jsemmu lil uliedhom b’isem Malti qed ikollhom jirreġistrawh ħażin għax ir-Reġistru Pubbliku għad m’għandux sistema moderna li biha l-ismijiet tat-tfal ikunu jistgħu jinkitbu bl-ittri tal-Malti li ma jinstabux fl-alfabett Ingliż. Dan l-ilment ġenwin mhux l-ewwel darba li sar u li ssemma’ fl-aħbarijiet.

Għaldaqstant l-Akkademja talbet lis-Segretarju Parlamentari Alex Muscat, responsabbli mir-Reġistru Pubbliku, biex jieħu passi minnufih ħalli din il-problema tissolva mill-aktar fis possibbli għall-ġid tal-ġenituri u f’ġieħ l-ilsien nazzjonali.

Intant il-kwistjoni tqajmet ukoll fil-Parlament mid-Deputat Ryan Callus, li ġibed l-attenzjoni tal-Kamra dwar dan wara li ra kitba fuq Facebook ta’ omm li marret l-Insinwa u ma tħallietx issemmi lil binha Ġorġ minħabba din is-sistema. Binha issa se jkollu l-isem ta’ Gorg minħabba dan in-nuqqas li ilu snin.

L-Akkademja fakkret li l-alfabett uffiċjali tal-Malti ġie rikonoxxut mill-Gvern 86 sena ilu. B’xorti ħażina r-Reġistru Pubbliku baqa’ m’aġġornax ruħu f’dan ir-rigward, minkejja li fl-aħħar snin tħabbar li dan kien se jsir.