Coronavirus Lokali

Mit-Tnejn jerġgħu jiftħu l-fergħat tal-Maltco

Maltco Lotteries ħabbret li l-fergħat tal-kumpanija se jkunu qed jiftħu mit-Tnejn li ġej u li l-logħob organizzati minnha (Super 5, Superstar, Lotto, Quaterno+, Quick Keno, Bingo 75, Scratchers u U*Bet) jkomplu mill-istess jum.

Fi stqarrija, il-kumpanija qalet li f’dawn il-ġimgħat segwiet u appoġġjat id-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa, tant li rat li jittieħdu l-miżuri meħtieġa fil-fergħat kollha tagħha biex tkun assikurata saħħet il-ħaddiema u l-konsumaturi, li hi l-ewwel prijorità.

Biex tara li tkun segwita d-direttiva tas-social distancing, il-pubbliku mhux se jkun jista’ jsegwi l-logħob tal-Quick Keno u U*Bet mill-fergħat. Madankollu, il-konsumaturi jistgħu jixtru l-biljetti rispettivi u jsegwu l-logħob mis-sit elettroniku ta’ Maltco.

Il-kumpanija spjegat ukoll li, wara li l-logħob kollu ġie sospiż għal dawn il-ġimgħat, fil-jiem li ġejjin se jittellgħu t-tlugħ li ġejjin:

  • Super 5 (Tlugħ 819): l-Erbgħa, 6 ta’ Mejju fit-7.45pm
  • Superstar (Tlugħ 77): il-Ġimgħa, 8 ta’ Mejju fit-7.45pm
  • Lottu u Quaterno+ (Tlugħ 820): is-Sibt, 9 ta’ Mejju fit-7.45pm

Filwaqt li ġie spjegat ukoll li l-logħob konsekuttiv jibqa’ jgħodd għall-ġimgħat li ġejjin ukoll, il-perjodu ta’ rebħ li kien jinkludi l-ġimgħat li għaddew, ġie estiż għal 90 jum. Dan wara direttiva li ħarġet mill-Awtorità Maltija għal-Logħob (MGA). Għal rebħ mill-4 ta’ Mejju ‘l quddiem, jibqa’ jgħodd il-perjodu ta’ 60 jum sakemm ma jinħarġux direttivi oħrajn mill-MGA.