Coronavirus Lokali Saħħa

Tilqima ġdida b’xejn għat-trabi kontra l-pulmonite

It-tilqim kollu fuq il-formularju tal-Gvern minn nhar it-Tnejn se jerġa' jibda jingħata miċ-ċentri tas-saħħa kollha

Minn nhar it-Tnejn li ġej se tiżdied tilqima ġdida b’xejn għat-trabi kollha li twieldu mill-1 t’April li għadda, dik tal-Pneumococcus, li tilqa’ kontra l-pulmonite kif ukoll infezzjonijiet li tagħti fil-widnejn, fl-imniffsejn kif ukoll fil-moħħ.

Din it-tilqima b’xejn tingħata fi 3 dożiet, l-ewwel waħda lit-trabi ta’ 8 ġimgħat, it-tieni meta jkollhom bejn 3 u 4 xhur u l-aħħar waħda meta jagħlqu sena.

Intant, minn nhar it-Tnejn ukoll, it-tilqim kollu fuq il-formularju tal-Gvern, li kien qed jingħata biss f’3 ċentri tas-saħħa biss, biex titnaqqas l-espożizzjoni tal-COVID-19 fil-komunità, se jerġa’ jibda jingħata miċ-ċentri tas-saħħa kollha madwar il-pajjiż b’appuntament.

Peress li t-tilqim kien qed isir miċ-ċentri tal-Mosta, il-Furjana u Rabat Għawdex biss kif ukoll għaliex it-tobba tal-familja u t-tfal naqqsu s-servizz fil-komunità biex inaqqsu l-istess espożizzjoni, din ikkawżat lir-rata ta’ tilqim biex tonqos f’dawn l-aħħar xahrejn, b’25% għall-MMR Ġermaniża u b’50% għall-Gattone.

Dwar dan, f’konferenza tal-aħbarijiet is-Sibt filgħodu, Victoria Farrugia Sant’ Angelo, Chairperson tal-Kumitat dwar l-Immunità fil-pajjiż fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, saħħqet biex il-pubbliku jersaq ‘il quddiem għat-tilqim għaliex huwa essenzjali li nevitaw il-mard infettiv u ma nipperikolawx saħħet iċ-ċittadini Maltin, anki billi tintefa’ aktar pressjoni bla bżonn fuq l-isptarijiet f’dan iż-żmien ta’ pandemija.

Għalhekk, Farrugia Sant’ Angelo appellat lil kull min beża’ jmur jieħu xi tilqima f’dawn ix-xahrejn sabiex iċempel fuq 25680299 u jsirilhom appuntament għat-tilqima li qabżu fl-eqreb ċentru tas-saħħa.