3 TA’ MEJJU 2002
Bħal-lum 18-il sena, Michael Degiorgio suppost lagħab l-aħħar logħba fil-karriera twila u mimlija suċċessi tiegħu. Hu deher li temm il-karriera ta’ plejer fi draw ta’ 1-1 kontra Floriana, logħba li kienet l-aħħar waħda għal Ħamrun fil-kampjonat tal-istaġun 2001/02.
Dakinhar qabel il-logħba, saret ċerimonja speċjali fejn Degiorgio ngħata diversi rigali mill-kumitat u plejers filwaqt li ħa ritratti ma’ sħabu u man-neputi tiegħu Kevin Borg li għall-ewwel darba lagħbu fl-istess tim. Iżda, Degiorgio lagħab tliet logħbiet oħra fl-istaġun 2002/03 kontra Mosta u żewġ logħbiet kontra Marsa, konfronti li fihom il-Ħamruniżi ma tilfux. B’hekk il-karriera ta’ Degiorgio twalet mill-1979 sal-2003.
Fil-logħba ta’ 18-il sena ilu, Degiorgio prova li jniżżel ismu fost l-iskorers fl-aħħar logħba iżda l-gowlkiper ta’ Floriana Matthew Camilleri ċaħħdu f’aktar minn okkażjoni. Man-nofs siegħa logħob, ix-xellugi pinġa kross lejn in-neputi tiegħu iżda Camilleri salva bi bravura. Ftit wara, Camilleri salva free-kick tal-istess Degiorgio. Hu kien mibdul fit-68 minuta.
Bla dubju li l-aħjar żmien ta’ Degiorgio kien fis-snin 80 fejn kaxkar diversi unuri ma’ Ħamrun Spartans. Hu rebaħ erba’ darbiet il-kampjonat u sitt darbiet l-FA Trophy, ħames darbiet is-Super Cup, erba’ darbiet il-Euro Cup u darba s-Super 5 Tournament. Degiorgio lagħab mal-Ispartans fi tliet okkażjonijiet differenti, b’esperjenzi wkoll ma’ Naxxar Lions, Lija Athletic u Marsaxlokk. Mat-tim nazzjonali, Michael Degiorgio lagħab 77 logħba u skorja erba’ gowls.
//= $special ?>