3 TA’ MARZU 2000
Għoxrin sena ilu, il-Kumitat Olimpiku Malti irċieva r-riżenja tal-President l-Imħallef Gino Camilleri. Minkejja li kien jokkupa din il-kariga, fl-aħħar xhur hu kien inattiv. Qabel okkupa din il-kariga, hu kien wieħed mill-fundaturi u President ta’ Exiles kif ukoll President tal-ASA u l-Malta Squash Association.
Gino Camilleri kien ilu President tal-Kumitat Olimpiku Malti mill-1989 u baqa’ jkun elett fil-kariga kull darba li xeħet in-nomina tiegħu. L-Imħallef Camilleri kien is-seba’ President fl-istorja tal-KOM wara Anthony Cassar Torreggiani, Paul Giorgio, Alfred P. Briffa, Victor Pace, Lawrence Xuereb u Karm Borg.
L-Eżekuttiv tal-Kumitat Olimpiku Malti kien iddiskuta r-riżenja li ma kinitx aċċettata u l-membri tal-Eżekuttiv ippruvaw jisfurzawh biex jibqa’, xi ħaġa li ma rnexxielhomx. F’dak iż-żmien, il-KOM kien immexxi mill-Imħallef Lino Farrugia Sacco li kellu l-irwol ta’ chairman. L-istess Farrugia Sacco nħatar bħala s-suċċessur ta’ Camilleri. Gino Camilleri miet fl-20 ta’ Lulju tal-2014 fl-età ta’ 64 sena.
//= $special ?>