Futbol Sport

28 SENA ILU: Stefan Sultana isir l-aktar plejer li skorja f’kampjonat wieħed ta’ Malta

(Ritratt: Times of Malta)

3 TA’ MEJJU 1992

Id-data tat-3 ta’ Mejju ta’ 28 sena ilu hi data importanti fil-karriera ta’ Stefan Sultana. Dan għaliex dakinhar kien skorja doppjetta fid-draw ta’ 3-3 kontra Rabat Ajax u b’dawk il-gowls kien sar l-aktar plejer li skorja f’kampjonat Malti minn wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Dawn kienu l-20 u l-21 gowl tiegħu u sakemm spiċċa dak il-kampjonat, żied ieħor għal total ta’ 22 gowl.

Sa qabel dak il-logħba, il-plejer bl-aktar gowls f’kampjonat wieħed kien l-eks plejer ta’ Valletta Mario Azzopardi. Fl-istaġun 1962/63 hu kien skorja 20 gowl iżda f’kampjonat bejn tmien timijiet. Azzopardi kien lagħab 12 mill-14-il logħba fil-kampjonat. Ir-rekord tal-aqwa skorer f’kampjonat b’għaxar timijiet kien ta’ Ray Xuereb li fl-istaġun 1974/75 meta kien jilgħab ma’ Floriana, kien skorja 17-il gowl.

Fl-istaġun 1992/93, id-Daniż Carl Zacchau ta’ Hibernians skorja wkoll 22 gowl. Minn dakinhar, kien hemm aktar plejers li skorjaw aktar minn 22 gowl f’kampjonat iżda erbgħa biss kienu Maltin u meta f’kampjonat kienu jintlagħbu aktar logħbiet.

F’kampjonati ta’ 28 logħba, Michael Mifsud ta’ Sliema Wanderers skorja 30 gowl fl-istaġun 2000/01, Adrian Mifsud ma’ Hibernians skorja 23 gowl u 27 gowl fl-istaġuni 2000/01 u 2001/02, Daniel Bogdanovic ma’ Marsaxlokk skorja 31 gowl fl-istaġun 2006/07 u Terence Scerri skorja 26 gowl ma’ Hibernians fl-istaġun 2008/09.

Plejers oħra barranin li skorjaw aktar minn 22 gowl kienu Danilo Doncic bi 32 gowl ma’ Valletta fl-istaġun 1996/97 u ma’ Sliema Wanderers fl-istaġun 2001/02, Camilo da Silva Sanvezzo ma’ Qormi b’24 gowl fl-istaġun 2009/10, Obinna Obiefule b’34 gowl ma’ Mosta fl-istaġun 2011/12 u l-koppja ta’ Hibernians Tarabai u Jorginho li t-tnejn skorjaw 25 gowl fl-istaġun 2014/15.

Doncic ma’ Valletta skorja t-32 gowl f’kampjonat ta’ 27 logħba, Obiefule skorja l-34 gowl f’kampjonat ta’ 32 logħba, Tarabai u Jorginho skorjaw il-25 gowl f’kampjonat ta’ 33 logħba filwaqt li l-plejers l-oħra Doncic ma’ Sliema u Sanvezzo ma’ Qormi skorjaw f’kampjonat ta’ 28 logħba.