3 TA’ MEJJU 1951
Eżattament 69 sena ilu, Floriana kienu wettqu sorpriża kbira meta f’raġunijiet partikolari, eliminaw lil Valletta fil-kwarti tal-finali tal-FA Trophy 3-2. Fil-bidu tas-snin 50, Floriana kellhom tim b’saħħtu u ma kinitx tkun sorpriża li kienu jirbħu. Iżda din il-logħba kellha xenarju differenti. L-ewwel tim kien jinsab fuq tour fl-Ingilterra bl-isem ta’ Festival of Britain. Floriana kellhom jonoraw il-logħba u mmexxija mill-kowċ Joe Griffiths, niżlu b’formazzjoni magħżula minn timijiet oħra Furjaniżi. Fil-fatt, tnejn lagħbu mit-tim tat-Tieni Diviżjoni, ħamsa mit-tim tat-Tielet Diviżjoni u anki tlieta mit-tim tal-Minors. Fi kliem sempliċi, l-aħjar plejers Furjaniżi ma kinux preżenti u t-tim kien dgħajjef.
Biex ir-rebħa tiġi aktar b’sorpriża, Valletta kienu daħlu jistrieħu 2-0 minn fuq b’gowls ta’ Scicluna u Schembri. Iżda Floriana wettqu rimonta fit-tieni taqsima u b’doppjetta ta’ Fenech u gowl lejn it-tmiem ta’ Farrugia, dawru l-iskor biex rebħu 3-2. Il-ferħ kien ġustifikat fuq il-plejers Furjaniżi, bl-aħbar tasal għand il-plejers regolari li kienu l-Ingilterra. Bħala premju għal din is-sorpriża, il-plejers ingħataw Lm2 u kaxxa ċikkulatini lil kull plejer.
Fis-semifinali, Floriana telgħu biex jilagħbu kontra Sliema Wanderers fl-20 ta’ Mejju. Il-Furjaniżi pprotestaw mal-MFA u l-logħba ġiet skedata għal erbat ijiem wara. Ovvjament kien imiss lil Sliema biex jilmentaw fuq id-deċiżjoni u saħansitra heddew li jirtiraw mit-turnew ta’ Roterham. Il-logħba mxiet għat-23 ta’ Mejju, jiġifieri d-data li l-plejers Furjaniżi kellhom jaslu, b’konsegwenza li Floriana rtiraw mill-FA Trophy. Sliema lagħbu l-finali kontra Hibernians u rebħu 5-0 biex rebħu l-FA Trophy tal-istaġun 1950/51.
//= $special ?>