Coronavirus Lokali

9 każi ġodda – l-ikbar ammont fl-aħħar 12-il jum

“Il-virus għadu magħna – ibqgħu kunu responsabbli”

Fl-aħħar 24 siegħa f’pajjiżna ttestjaw pożittiv għall-Covid-19 l-akbar ammont ta’ persuni fl-aħħar tnax-il ġurnata.

Dan wara li l-Professur Charmaine Gauci ħabbret li ttestjaw pożittiv 9 persuni minn 1,071 test. Dan ifisser li issa l-każi attivi tal-virus fil-Gżejjer Maltin huma 81.

Bid-9 każi ġodda, in-numru totali ta’ każi f’pajjiżna laħaq l-477.

Dan filwaqt li fl-aħħar 24 siegħa fiequ wkoll 13-il persuna u b’hekk l-ammont ta’ persuni imfejqa laħaq it-392.

5 mill-każi ġodda ma kellhom ebda sintomi

Fost dawk li ttestjaw pożittiv insibu 5 li kienu asintomatiċi dawn huma; żgħażugħ ta’ 22 sena, żgħażugħ ta’ 27 sena, raġel ta’ 30 sena, ieħor ta’ 33 sena u Spanjola ta’ 21 sena, lkoll irriżultaw pożittiv wara li ma kellhom ebda sintomu relatat ma’ dan il-virus.

Dan filwaqt li tfajla ta’ 19-il sena nstabet pożittiva wara li sarilha screening ta’ rutina qabel ma daħlet għal operazzjoni fl-Isptar Mater Dei filwaqt li raġel ta’ 45 sena ttestja pożittiv wara li l-unika sintomu li kellu kien dak tan-nuqqas ta’ xamm.

Ittestjaw pożittiv ukoll żgħażugħ ta’ 18-il sena u mara ta’ 35 sena wara li kellhom xi sintomi relatati mal-Coronavirus.

Is-Suprintendent għas-Saħħa Pubblika spjegat li huma ftit in-nies li issa qed jinżammu fl-isptarijiet tagħna; 7 fl-Isptar Boffa, 5 f’St.Thomas, persuna waħda fl-IDU u persuna oħra għadha qed tinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Min jibqabad mingħajr maskra jista’ jeħel €116

Dan kollu f’inqas minn 24 siegħa qabel ma’ ħwienet kummerċjali non-essenzjali jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom għall-pubbliku. Profs. Charmaine Gauci spjegat li hekk kif il-miżuri bdew jiġu rilaxxati ftit ftit, il-pubbliku huwa obbligat li jilbes maskra jew visor protettivi sabiex jidħlu fil-ħwienet, kemm il-klijenti kif ukoll l-impjegati.

Filwaqt li meta mistoqsija mill-ġurnalisti Profs. Gauci saħqet li min ma jsegwix dan l-obbligu jista’ jeħel multa skont kif huwa applikabbli taħt l-artiklu tas-Saħħa Pubblika, b’minimu ta’ €116 iżda appellat ukoll sabiex il-pubbliku jkun responsabbli l-għaliex il-virus għadu magħna.

Hija saħqet li l-masrki aċċettati huma dawk li jintużaw mill-persuni li jaħdmu fis-saħħa pubblika kif ukoll maskri li jitqiesu bħala non mediċi fosthom maskri magħmulin fid-djar tagħna stess.

Professur Gauci spjegat ukoll li minn għada kull min jirkeb il-vapur tal-Gozo Channel irid jilbes maskra jew visor u xorta waħda għandha tinżamm id-distanza soċjali ta’ żewġ metri abbord il-vapur.

“It-tfal mhux lokhom fuq il-post tax-xogħol”

Hija appellat ukoll għal aktar minn darba li minkejja li minn għada ċertu miżuri ser ikunu qed jiġu rilassati il-pubbliku għandu jżomm l-attenzjoni kollha meħtieġa ankè fid-dawl tal-fatt li l-RT Factor f’pajjiżna reġa’ tela.

Meta mistoqsija minn Net News dwar x’ser ikunu qed jagħmlu impjegati li għadha l-post tax-xogħol tagħhom ser jiftaħ il-bibien mill-ġdid iżda qed iżommu lill-uliedhom id-dar hija saħqet li min iħaddem għandu jifhem is-sitwazzjoni u importanti li ħadd ma jieħu t-tfal fuq il-post tax-xogħol.

Professur Charmaine Gauci spjegat li qed jiġu imposti dawn l-obbligi fuq l-ilbies tal-maskri l-għaliex fi kliemha stess il-fatt li qed jerġgħu jinfetħu l-ħwienet qed iżid il-possiblità ta’ tifrix tal-virus.

Finalment is-Suprintendent saħqet li sabiex inkunu nistgħu nimxu għal pass li jmiss hemm bżonn il-koperazzjoni ta’ kulħadd bil-għan li nkunu nistgħu nnaqsu aktar miżuri u nersqu ftit ieħor lejn in-normalità.