Il-Papa Franġisku appella għal kooperazzjoni xjentifika fuq livell internazzjonali ħalli jinstab vaċċin effettiv għal kontra l-coronavirus (Covid-19). L-appell jenfasizza biex kwalunkwe vaċċin li jista’ jelimina t-theddida tal-marda jitpoġġa għad-dispożizzjoni tal-pajjiżi kollha tad-dinja mingħajr l-iċken element ta’ ‘diskriminazzjoni’.
Il-Kap tal-Kattoliċi, li kien qed jagħmel id-diskors tal-Ħadd mil-librerija tal-Vatikan minħabba l-lockdown fl-Italja, anki rringrazzja lil dawk kollha li qed jipprovdu s-servizzi essenzjali lin-nies f’dawn il-jiem ta’ kriżi. Hu, fl-istess ħin, ħeġġeġ għal tisħiħ fil-kooperazzjoni internazzjonali kontra l-virus li infetta mat-3.5 miljun madwar id-dinja u li minnhom mietu aktar minn 240,000.
‘Hu importanti, fuq kollox, li l-kapaċitajiet xjentifiċi jkunu utilizzati, b’mod imparzjali u trasparenti, f’sistema kollettiva bil-għan li jinstabu l-vaċċini u trattamenti effettivi għall-coronavirus’, sostna l-Papa. Hu insista li ‘l-aċċess universali għat-teknoloġiji essenzjali jkun iggarantit ħalli kull persuna infettata – fi kwalunkwe parti tad-dinja – tingħata t-trattament mediku neċessarju’.
Il-Mexxejja tad-Dinja, f’April, impenjaw ruħhom biex iżidu l-ħidma fuq il-vaċċin għal kontra l-Covid-19 u jqassmu ‘ir-riżultati’ fost il-pajjiżi milquta . Iżda l-Istati Uniti ma ħaditx sehem fl-inizjattiva tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).
Għall-kuntrarju, il-President Amerikan, Donald Trump, qal li l-WHO damet biex tirreaġġixxi għall-kriżi u li l-Organizzazzjoni hi ‘wisq disposta favur iċ-Ċina minn lat politiku’. U waqt li l-WHO qed tiddefendi ruħha mill-akkużi, Donald Trump issospenda l-finanzjament tal-Istati Uniti għall-Organizzazzjoni.
Sadanittant, numru ta’ kumpaniji tal-farmaċewtika madwar id-dinja żviluppaw it-testijiet biex jidentifikaw l-antibodies li jiżviluppaw fil-ġisem ta’ persuna li jkollha kuntatt mal-coronavirus.
//= $special ?>