“Dan mhux vot favur l-Oppożizzjoni, dan vot favur pajjizna u favur il-Maltin u l-Għawdxin, għazlu lil Malta u lil Għawdex.” – Dan kien il-messaġġ ta’ għaqda nazzjonali li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fil-Parlament; messaġġ li d-Deputati tal-Gvern għazlu li jivvutaw kontrih u allura naqsu mill-opportunità li kelhom illi jħassru il-ftehim tal-bejgħ tal-isptarijiet u naqsu milli jivvotaw fl-interess nazzjonali.

Meta ġew għall-vot, 35 deputat tal-Labour għazlu li jmorru kontra din il-mozzjoni u kontra l-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin, biex ivvutaw favur Vitals u Steward – Dwar dan tkellem il-President tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba Martin Balzan li saħaq li ma tantx sema’ nies jgħidu li dan id-deal kien wieħed tajjeb għaliex anke l-Ministru tas-Saħħa stess fil-Parlament ftaħar bil-COVID-19 u ma tantx tkellem dwar Steward.

Martin Balzan spjega għaliex qed jinsisti li dan id-deal falla fejn saqsa jekk Għwdex ħaqqux Sptar tal-kalibru ta’ Mater Dei. “Dażgur li ħaqqu, mela l-Għawdxin ċittadini tat-tieni klassi?” stqarr il-President tal-MAM. Hu kompla li mhux sew li Karin Grech tħalla jaqa’ biċċiet għax mhux sew li l-pazzjenti li jkunu hemmek jidħlu f’dak l-istat. It-tabib saħaq ukoll li anke fl-Isptar San Luqa kif juru numru ta’ filmati, fih ma sar xejn. “Intefqu l-miljuni għalxejn, deal li falla totalment, ħarġu 250 miljun u l-poplu Malti ma ħa xejn”, temm jgħid Martin Balzan.

Waqt xandira speċjali tal-programm NET LIVE tkellem ukoll Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers. Minn naħa tiegħu saħaq li din hija sitwazzjoni ta’ swied il-qalb, il-fatt li bħala Maltin mhux kapaċi ningħaqdu flimkien biex nipproteġu l-mossi tagħna. Vella stqarr li qed inħallu aktar minn 70 miljun fis-sena jmorru ghand Vitals u Steward minflokk jitqassmu mal-famlji Maltin u Għawdxin.

Josef Vella saħaq li anke l-ħaddiema Maltin u Għawdxin impjegati ma’ Vitals u Steward, mhux jieħdu paga kemm suppost. “Ma nistgħux nifhmu fejn qed imorru dawn il-miljuni” stqarr Vella fejn talab biex tal-anqas il-ħaddiema jitħallsu paga adegwata meta l-kumpanija qed tieħu miljuni mingħajr ma trodd lura xi tip ta’ investiment.
