Internazzjonali

Il-Korea: Sparaturi fiz-Zona Demilitarizzata…ftit wara li deher mill-ġdid Kim Jong-un

Il-parti tal-Korea ta' Fuq f' Panmunjom

Il-militar tal-Korea t’Isfel u l-Korea ta’ Fuq komunista kienu involuti fi sparaturi fiz-Zona Demilitarizzata li tissepara liż-żewġ pajjiżi rivali.

L-inċident seħħ ftit wara li deher mill-ġdid fil-pubbliku l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un. L-aħħar movimenti ta’ Kim kienu rappurtati mill-istampa tal-Korea komunista wara li dan il-mexxej kien ilu ma jidher għal tliet ġimgħat, mingħajr spjegazzjoni, fost l-ispekulazzjoni intensiva dwar saħħtu.

Il-kelliema f’Seoul, intant, qalu li l-isparar ‘min-naħa tal-komunisti’ laqat pożizzjoni tal-gwardjani tal-Korea t’Isfel fil-belt ta’ Cheorwon. Dawn il-gwardjani, imbagħad, sparaw lura u bagħtu messaġġ ta’ twissija lill-militar fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera. Ma kenux rappurtati midruba jew vittmi fl-inċident.

Mhux ċar x’wassal biex is-suldati komunisti jiftħu n-nar fuq il-militar tal-Korea t’Isfel meta inċidenti bħal dawn huma pjuttost rari – bl-aħħar sitwazzjoni simili tmur lura għall-2017.

L-uffiċjali militari fil-Korea t’Isfel qalu, wara, li ma rawx movimenti mhux tas-soltu tat-truppi Koreani komunisti. Dan meta l-uffiċjali inkwistjoni kienu qed jippruvaw jiddeterminaw jekk l-isparar mill-inħawi taħt il-kontroll tal-komunisti seħħx skont xi ‘pjan speċifiku’ inkella minn ħaġa aċċidentali.

Għalkemm xi sorsi fil-Korea t’Isfel qalu li hemm biss ‘possibbiltà żgħira’ li l-ewwel tiri sparati setgħu kienu intenzjonati bħala azzjoni ostili, mhux ċar kif huma waslu għal din il-konklużjoni. Dan meta s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, qal li jemmen li l-isparar kien, fil-fatt, ‘aċċidentali’.

L-osservaturi jaqblu li – irrispettivament minn jekk l-isparatura kenitx aċċidentali jew le – l-inċident għandu jenfasizza l-importanza li l-qawwiet fuq in-naħat rispettivi taz-Zona Demilitarizzata jeżerċitaw kawtela biex jevitaw li t-tensjoni fl-inħawi tiggrava.

Iz-Zona Demilitarizzata li tissepara lill-Korej hi l-aktar fruntiera fortifikata fid-dinja. Iz-Zona twaqqfet wara l-Gwerra Koreana tal-1950-53 bil-għan li tinħoloq buffer zone bejn iż-żewġ pajjiżi. Intant, il-Gvern tal-Korea t’Isfel, għal dawn l-aħħar sentejn, kien qed jipprova jibdel il-fruntiera fortifikata f’‘zona għall-paċi’.