Lokali

Il-PN jirrikonoxxi l-ħidma tal-ġurnalisti bħala ħidma fundamentali f’demokrazija

Illum huwa World Press Freedom Day, ġurnata maħsuba sabiex infakkru l-importanza tal-ġurnaliżmu u li fiha għandna nirrikonoxxu l-ħidma tal-ġurnalisti u tal-media houses bħala ħidma fundamentali fit-tħaddiem tad-demokrazija.

Dan ħareġ minn stqarrija tal-Partit Nazzjonalista iffirmata mill- Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, l-Kultura u l-Midja Therese Comodini Cachia.

Pajjiżna għad fadallu ħafna x’jagħmel biex jassigura ġurnaliżmu ħieles minn kull xkiel. Irridu nsibu mezz kif nipproteġu lill-ġurnalisti mill-vjolenza u nsaħħu l-aċċess tagħhom għall-informazzjoni. Irridu nagħtu l-għodda lil ġurnalisti u lil media houses li jimpjegawhom. Issa aktar minn qatt qabel, il-ġurnaliżmu qiegħed jikkumbatti l-informazzjoni inveritiera f’ċirkostanzi li komplew jherru l-introjtu tal-media houses.

Għalhekk, l-Oppożizzjoni terġa’ tistieden lill-gvern jikkunsidra l-proposti diġà mressqa minnha fosthom sabiex jiġi stabbilit fond li jissussidja il-waqfien ta’ fact-checking team magħmul minn rappreżentanti tan-newsrooms kollha sabiex ikun jista’ jiffaċilita l-aċċess għall-informazzjoni u l-verità tal-informazzjoni.

L-Oppożizzjoni wkoll tinnota kif minkejja l-għajnuna mogħtija b’mod arbitrarju mill-gvern, hemm media houses inkwetati dwar kemm jistgħu jibqgħu jsostnu s-servizz tagħhom u jżommu livell għoli ta’ ġurnaliżmu hekk kif isibu ruħhom milquta mit-trasformazzjoni diġitali u mill-effetti ekonomiċi tal-pandemija Covid-19. F’dan ir-rigward l-Oppożizzjoni titlob lill-gvern sabiex jassigura li l-għajnuna mogħtija lil media houses li l-introjtu tagħhom jiddependi fil-maġġor parti tiegħu minn reklamar, sabiex jassigura li dik l-għajnuna hija waħda xierqa fiċ-ċirkostanzi. Għajnuna tkun xierqa meta tkun tirrifletti u tindirizza l-bżonnijiet tal-ġurnalizmu.