“Ix-xorti tidħak lill-moħħ imħejji”. Hekk magħruf li kien iħobb jgħid Louis Pasteur, wieħed mill-akbar xjenzati tad-dinja u l-moħħ wara vaċċini u skoperti mediċi oħrajn li salvaw miljuni ta’ ħajjiet tul tliet sekli.
Bħalma kien fi żmien Pasteur, reġa’ hekk fi żmienna fejn id-dinja qed tħabbat wiċċha ma’ virus li baqa’ jinfirex mal-pajjiżi u l-kontinenti, biex jinvadilna djarna u qlubna. Dan il-virus ikkawża devastazzjoni u wġigħ mal-irkejjen kollha tad-dinja, sakkarna ’l bogħod mill-għeżież tagħna, mill-ferħ li jitnissel meta nagħmlu dak li nħobbu nagħmlu, u mill-pjaċir tal-postijiet li nħobbu naraw u nżuru.
Dan is-sagrifiċċju tagħna, flimkien mal-isforzi eroiċi tal-persunal mediku madwar id-dinja, għinna nrażżnu l-imxija f’ħafna partijiet tad-dinja. Filwaqt li xi wħud ħerġin b’mod kawt mir-restrizzjonijiet u mill-għeluq, oħrajn għadhom f’iżolament u qed jaraw li l-ħajja soċjali u ekonomika ta’ kuljum tagħhom imliġġma b’mod sever. Il-konsegwenzi jistgħu jkunu partikolarment drammatiċi fl-Afrika u fin-Nofsinhar Globali b’mod ġenerali.
Iżda dak li għandna komuni bejnietna, ilkoll kemm aħna, huwa li ħadd minna ma jista’ tassew jaħseb jew jippjana b’ċertezza kbira dwar x’se jkun verament il-futur tal-pandemija.
Dan ifisser li lkoll għandna sehem f’dan. Ħadd minna ma huwa immuni għall-pandemija u ħadd minna ma jista’ jirbaħ il-virus waħdu. Fil-fatt, sakemm kulħadd ikun sikur, ħadd minna mhu se jkun ħelisha – madwar kull raħal, belt, reġjun u pajjiż fid-dinja. Fid-dinja interkonnessa tagħna, is-sistema tas-saħħa globali hija b’saħħitha daqs il-parti l-aktar dgħajfa tagħha. Jeħtieġ li nipproteġu lil xulxin biex nipproteġu lilna nfusna.
Dan joħloq sfida unika u verament globali. U għalhekk bilfors irridu nagħtu lilna nfusna l-aħjar opportunità biex negħlbuha din l-isfida. Dan ifisser li jinġiebu flimkien l-aqwa mħuħ – u l-aktar imħejjija – biex insibu t-tilqim, it-trattamenti u t-terapiji biex id-dinja tagħna terġa’ ssir b’saħħitha, filwaqt li nsaħħu s-sistemi tas-saħħa li jagħmluhom disponibbli għal kulħadd, b’attenzjoni partikolari lejn l-Afrika.
Qed nibnu fuq l-impenn tal-mexxejja tal-G20 biex niżviluppaw rispons massiċċ u koordinat għall-virus. Qed nappoġġaw is-sejħa għall-azzjoni li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u atturi globali oħra tas-saħħa għamlu flimkien. Għalhekk, dan l-aħħar tajna bidu għall-Aċċelleratur għall-Aċċess għall-Għodod COVID-19 (ACT), pjattaforma ta’ kooperazzjoni globali biex ir-riċerka timxi aktar malajr u jiżdiedu l-iżvilupp, l-aċċess u d-distribuzzjoni ġusta tat-tilqim u ta’ terapiji oħra u trattamenti dijanjostiċi li jsalvaw il-ħajja. Dan se jwitti t-triq għal alleanza internazzjonali ta’ veru fil-ġlieda kontra l-COVID-19.
Aħna determinati li naħdmu flimkien ma’ dawk kollha li jaqsmu l-impenn tagħna għall-kooperazzjoni internazzjonali. Lesti li nkunu minn ta’ quddiem biex immexxu u nsostnu r-rispons globali.
L-għan tagħna huwa sempliċi: fl-4 ta’ Mejju, waqt konferenza online għall-ippleġġjar tal-finanzi, irridu niġbru ammont inizjali ta’ €7.5 biljun (8 biljun dollaru) biex inpattu għan-nuqqas ta’ finanzjament globali stmat mill-Bord ta’ Monitoraġġ Globali dwar it-Tħejjija (GPMB) u oħrajn.
Kollha kemm aħna se niltaqgħu madwar il-mejda biex nippreżentaw il-wegħdiet tagħna, u ninsabu kuntenti li ngħaqdu magħna msieħba mid-dinja kollha. Il-fondi li niġbru se jagħtu bidu għal kooperazzjoni globali bla preċedent bejn ix-xjenzati u r-regolaturi, l-industrija u l-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-fondazzjonijiet u l-professjonisti tal-kura tas-saħħa. Aħna nappoġġjaw lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u għandna l-pjaċir ningħaqdu flimkien ma’ organizzazzjonijiet ta’esperjenza bħalma huma l-Bill and Melinda Gates Foundation u l-Wellcome Trust.
Kull ewro jew dollaru li niġbru flimkien se jgħaddu primarjament lejn organizzazzjonijiet rikonoxxuti tas-saħħa globali bħalma huma CEPI, Gavi, il-Vaccines Alliance, kif ukoll il-Global Fund u Unitaid, għall-iżvilupp u t-tqegħid fiċ-ċirkolazzjoni, kemm jista’ jkun malajr u għal kemm jista’ jkun nies, id-dijanjostika, it-trattamenti u t-tilqimiet li se jgħinu lid-dinja tegħleb il-pandemija. Jekk nistgħu niżviluppaw vaċċin li jiġi prodott mid-dinja, għad-dinja kollha, dan se jkun ġid pubbliku globali uniku għas-seklu 21. Flimkien ma’ sħabna, nintrabtu li nagħmluh disponibbli, aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd.
Dan huwa d-dmir tal-ġenerazzjoni tagħna u nafu li dan jista’ jsir. It-teknoloġiji tas-saħħa ta’ kwalità għolja u bi prezz baxx mhumiex ħolma. U rajna kif is-sħubijiet bejn is-settur pubbliku u dak privat irnexxielhom jagħmlu disponibbli ħafna vaċċini li salvaw il-ħajja tal-ifqar nies fid-dinja tul dawn l-aħħar għoxrin sena.
Nafu li din it-tellieqa se tkun twila. Mil-lum, se nisprintjaw lejn l-ewwel għan tagħna, iżda se nkunu lesti għal maratona. Il-mira attwali se tkopri biss il-ħtiġijiet inizjali: il-manifattura u l-kunsinna ta’ mediċini fuq skala globali se jeħtieġu riżorsi ferm ogħla mill-mira li rridu nilħqu bħalissa.
Flimkien, irridu niżguraw li r-riżorsi jkomplu jiġu mobilizzati u li jsir progress biex jinkiseb aċċess universali għat-tilqim, it-trattament u l-ittestjar.
Dan huwa mument kruċjali u storiku għall-komunità globali. Bl-appoġġ tagħna llum lix-xjenza u lis-solidarjetà, se niżirgħu ż-żerriegħa għall-għaqda akbar ta’ għada. Immexxija mill-Għanijiet għall-Iżvilupp Sostenibbli, nistgħu nfasslu mill-ġdid is-setgħa tal-komunità, is-soċjetà u l-kollaborazzjoni globali, sabiex naraw li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.
Din hi d-Dinja kontra l-Covid-19. U flimkien, nirbħu.
Dan hu artiklu ta’ Giuseppe Conti – President tal-Italja, Emmanuel Macron – President ta’ Franza, Angela Merkel – Kanċillier Federali tal-Ġermanja, Charles Michel – President tal-Kunsill Ewropew, Erna Solberg – Prim Ministru tan-Norveġja u Ursula von der Leyen – President tal-Kummisjoni Ewropea, b’rabta ma’ konferenza online li saret fl-4 ta’ Mejju għall-ippleġġjar tal-finanzi, biex jinġabar ammont inizjali ta’ €7.5 biljun biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ finanzjament globali stmat mill-Bord ta’ Monitoraġġ Globali dwar it-Tħejjija (GPMB) u oħrajn.
//= $special ?>