“Ħa jiddispjaċini bil-kbir la darba Alla ħares qatt nitilfu kontroll u jiswielna d-doppju biex nerġgħu nieħdu r-riedni f’idejna”.
Hekk sostna fuq il-midja soċjali t-tabib mid-Dipartiment tal-Emerġenza Michael Spiteri wara li fis-sigħat li għaddew ġew rapportati numru ta’ persuni jinġemgħu fost oħrajn f’Baħar iċ-Ċagħaq u Ta’ Qali.
Huwa saħaq li jekk hawn xi ħadd li għadu jaħseb li dan il-virus huwa influwenza normali u ma toqtolx u li l-kontroll f’Malta ma jistax jaħrab jew inkella l-għaliex in-numri qed jonqsu dan spiċċa minn Malta sejjer żbaljat.
It-tabib Spiteri appella lill-pubbliku sabiex ma jinġemgħax fil-folol barra it-triq ġaladarba jieħu ħsieb tiegħu nnifsu lil ta’ madwaru.
Filwaqt li rringrazzja lil kull min qed ikun prudenti f’għemilu, huwa appella lill-pubbliku sabiex jibqa’ jsegwi d-direzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.
Dan hekk kif it-Tnejn, 4 ta’ Mejju, ser jiġu rilassati numru ta’ miżuri – fosthom li jerġgħu jiftħu mill-ġdid numru ta’ ħwienet meqjusa non-essenzjali kif ukoll ser jerġgħu jibdew isiru t-testijiet tal-VRT.