Mhux kulħadd huwa r-ragħaj li jiddefendi l-merħla
“F’dawn iċ-ċirkustanzi li għaddejjin minnhom ħafna nies, inkluż iż-żgħażagħ tagħna, forsi jifhmu x’inhu dak l-iżjed importanti fil-ħajja u kemm il-ħajja taf toffrilna affarijiet ilellxu imma li huma frugħa”. Hekk saħaq l-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-Omelija waqt Quddiesa ċċelebrata fir-Raba’ Hadd tal-Ghid u fil-Jum Dinji ta’ Talb ghall-Vokazzonijiet, mill-kappella taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet fis-Seminarju tal-Arcisqof, Tal-Virtù.
Huwa saħaq li f’dawn il-mumenti li għaddejjin minnhom forsi fihom għandna ċans iżjed nirriflettu, u għaldaqstant propona liż-żgħażagħ sabiex jirriflettu aktar fuq il-messaġġ ta’ Alla.
L-Arċisqof offra din il-Quddiesa għal dawk kolha li mietu fl-aħħar sigħat, fosthom għal Mons. Arthur Said Pullicino li fost responsabbiltajiet ħhra fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, sal-2015 kien Vigarju Ġudizzjali responsabbli mit-Tribunal Ekkleżjastiku.
Fl-omelija tiegħu dwar l-Evanġelju tar-Ragħaj it-Tajjeb, l-Arċisqof qal li Ġesù huwa l-garanzija tas-sigurtà tagħna. L-Arcisqof qal li l-Mulej jinsisti wkoll li minflok ir-ragħaj li jiddefendi l-merħla tiegħu, jista’ jkun hemm min jidħol biex “jisraq u joqtol u jeqred” (Gw 10:10).
“Sfortunatament illum ukoll huwa dover tagħna nitolbu maħfra ta’ kemm-il darba fil-Knisja min suppost huwa l-bieb li jipproteġi n-nagħaġ isir dak li ‘jisraq u joqtol u jeqred’.”
Mons. Arċisqof sellem ukoll lill-qassisin anzjani li fis-sitwazzjoni attwali, ħafna minnhom ma jistgħux joħorġu mid-djar tagħhom u jkunu qaddejja tal-poplu kif tant jixtiequ. Sellem ukoll lis-saċerdoti żgħażagħ u ħeġġighom jifhmu wkoll li parti importanti mill-missjoni tagħhom hi li jitolbu u jinterċedu għall-poplu tagħna.
