Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

L-att vandalu fl-Għadira ta’ San Raflu

“Minkejja t-tentattivi tal- membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, ma rnexxilhomx itellgħu mill-ilma ż-żejt maħruq”.

Dan qalitu fi stqarrija l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wara li xi ħadd mhux magħruf xeħet żejt maħruq fl-Għadira ta’ San Raflu, fil-limiti ta’ Kerċem, Għawdex. L-ERA spjegat li għaldaqstant talbet lis-CPD, il-Pulizija, EcoGozo u diversi entitajiet oħra sabiex jiddeterminaw bi preċiż in-natura tas-sustanza li biha ġiet ivvandalizzata l-għadira kif ukoll x’rimedji oħra jistgħu jinstabu sabiex jiġi evitat l-impatt ekoloġiku f’dan l-inħawi kawża ta’ dan l-att vandalu.

Il-każ ġie rrapportat is-Sibt waranofsinhar fejn immedjatament ġiet innotata sustanza f’waħda mill-ftit għadajjar tal-ilma ħelu li nsibu fil-Gżejjer Maltin. L-Għadira ta’ San Raflu taqa’ wkoll taħt l-hekk msejħa EU Water Framework Directive u għaldaqstant tagħmilha ta’ preġju ekoloġiku kbir għal pajjiżna.

Dan ifisser li dan l-att, it-tfigħ ta’ dan iż-żejt maħruq fl-ambjent naturali tagħna, jaf iwassal għal konsegwenzi varji li jolqot mhux biss is-sediment tal-għadira iżda ankè tal-madwar u fl-aħħar mill-aħħar jolqot lill-komunità kollha.

Kull min għandu xi informazzjoni dwar il-każ huwa mħeġġeġ jagħmel kuntatt fuq T: (+356) 22923500 jew 99210404 kif ukoll fuq l-imejl E: info@era.org.mt