Lokali

L-Oppożizzjoni tipproponi li sala tal-Parlament tissemma’ għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia

  • Fil-Parlament Robert Abela u d-deputati kollha tal-Gvern ivvutaw bil-qalb favur id-deal korrott tal-isptarijiet
  • Bid-€90 miljun fis-sena lil l-poplu qed iħallas lil Steward kienu jiġu mgħejjuna aktar minn 100,000 ħaddiem u self employed li l-Gvern ħalla għal riħhom waqt il-pandemija

“Ktibt lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia u tlabtu, f’isem l-Oppożizzjoni, li l-Parlament bħala d-dar tad-demokrazija Maltija, għandu juri rispett lejn il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia billi jsemmi għaliha s-sala li l-bini tal-Parlament għandu fis-sular t’isfel. Dan huwa ġest xieraq, u fl-okkażjoni li qegħdin infakkru l-Jum tal-Ġurnaliżmu Ħieles. L-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien attakk feroċi kontra l-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u l-ġurnalizmu investigattiv.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq NET Television. 

Adrian Delia qal li meta f’pajjiż jsir assassinju ta’ ġurnalista jkun hemm riperkussjonijiet oħrajn għax ikun inqatel leħen, tissikket il-verità biex ma tkunx tista’ tibqa’ tistaqsi u tiġġieled il-korruzzjoni. Irridu nirrikonoxxu li l-ġlieda għall-verità u għall-ġustizzja rriduha li tibqa’ għaddejja. Dan meta bl-iżjed mod arroganti Robert Abela jiddetta lill-ġurnalisti x’jistaqsu waqt il-konferenzi tal-aħbarijiet u li qed jaħtaf l-istazzjon nazzjonali u jdawru f’għodda politika għalih biex iwassal messaġġ partiġġjani biex jifred lill-poplu tagħna fl-iżjed mument li rridu nkunu magħqudin. Adrian Delia qal li hu ma jiddejjaqx mid-diskussjoni u diġà beda sensiela ta’ intervisti ma’ ġurnalisti mill-midja indipendenti li liberament jagħmlu l-mistoqsijiet tagħhom.

Din l-inizjattiva ta’ Adrian Delia ġiet imfaħħra mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) li fi stqarrija ddeskrivietha bħala pass ‘il quddiem fid-direzzjoni t-tajba u lejn iżjed trasparenza. Adrian Delia rrefera għal dak li seħħ fil-Parlament din il-ġimgħa meta d-deputati kollha tal-Gvern vvuttaw favur Steward u kontra l-poplu Malti. Huwa qal li Robert Abela u d-deputati kollha tal-Gvern, saru kompliċi ma’ Konrad Mizzi li baqa’ ma weġibx għal dan id-deal ħażin u korrott. Meta kien hemm il-kawża fil-Qorti li l-Kap tal-Oppożizzjoni fetaħ personalment biex iġib lura l-isparijiet lin-nies u meta l-NAO għadu qed jinvestiga l-kuntratt oriġinali tal-2015, f’Awwissu li għadda Konrad Mizzi ffirma kuntratt fejn irridu nagħtu €100,000,000 oħra lil Steward u nħallsu d-dejn kollu biex jinħall il-kuntratt anke jekk ikun tort tagħhom.

Dan meta fil-kuntratt oriġinali kien hemm klaswola li jekk ikun hemm emerġenza tas-saħħa, kif qegħdin bħalissa, l-Gvern seta’ jieħu lura l-isptarijiet u ma nħallsu xejn iżda din tneħħiet bil-kuntratt il-ġdid li ffirma Konrad Mizzi minn wara dahar kulħadd. Robert Abela mhu qed jagħmel xejn biex Konrad Mizzi jwiegeb, anzi fil-Parlament iddefenda bil-vot tiegħu dan id-deal korrott u jipprova jwaħħal fl-Oppożizzjoni li kixfitu u li qed titkellem għall-poplu. Adrian Delia qal li se jkompli bil-ġlieda tiegħu fil-Qorti biex dawn l-isptarijiet jirrtornaw lura għand in-nies filwaqt li nuru kif il-Gvern qed jisraq lill-familji u l-ħaddiema. 

Il-Kap tal-PN rrefera għar-restrizzjonijiet b’rabta mal-imxija tal-COVID-19 u qal li l-Oppożizzjoni dejjem kellha fiduċja fis-Supretendent tas-Saħħa l-Profs. Charmaine Gauci, l-professjonisti mediċi, t-tobba u l-infermieri. Huwa appella għal prudenza biex dak kollu li ksibna fl-aħħar xhur b’tant sagrifiċċju ma nitilfuhx, filwaqt li spjega kif mill-aspett ekonomiku l-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern għandu jagħmel ferm aktar biex jgħin lill-eluf kbar ta’ ħaddiema u negozji li ntlaqtu ħażin mill-pandemija. 

Adrian Delia għal darb’oħra rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi tal-appoġġ u l-għajnuna lill-Partit Nazzjonalista waqt ix-xandira speċjali li saret matul Jum il-Ħaddiem. Il-PN se jibqa’ jkun it-tarka taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, u fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se nkomplu nuru kif se noffru alternattiva aħjar għall-familji u n-negozji f’pajjiżna, temm jgħid Adrian Delia.