Edukazzjoni Lokali

Miftuħa r-reġistrazzjoni għall-A Levels u Intermediates tal-Matsec

Il-perjodu ta' reġistrazzjoni jiftaħ fl-4 ta' Mejju u se jingħalaq fl-10 ta' Mejju.

Il-Bord tal-Matsec qed joffri l-possibbiltà lil dawk li ma rregistrawx għall-eżamijiet ta’ livell Intermediate u tal-A-level, biex jirreġistraw mill-ġdid permezz tas-sit elettroniku tagħhom.

Dawk kollha li kienu rreġistraw għas-sessjoni li kellha ssir f’Mejju, m’għandhomx għalfejn jerġgħu jirreġistraw għas-sessjoni li issa se ssir f’Settembru.

Apparti minn hekk, qed tingħata l-possibbiltà biex dawk illi diġa’ rreġistraw u jixtiequ jibdlu jew iżidu xi suġġett, jistgħu jagħmlu hekk billi jibagħtu email lill-Bord tal-Matsec fuq dan l-imejl: registrations.matsec@um.edu.mt.

Minkejja li se jingħataw l-opportunità biex ipoġġu għall-eżami, dawk li se japplikaw għall-ewwel darba għas-sessjoni f’Settembru mhux ser ikunu eliġibbli biex ipoġġu għas-sessjoni ta’ resit li se jseħħ f’Diċembru.

Il-Bord tal-Matsec qal ukoll illi dan huwa l-aħħar ċans biex ikunu jistgħu japplikaw l-istudenti, u li mhux ser ikunu qed jaċċettaw applikazzjonijiet tard.