Raġel mill-Għarb ġie kkundannat għal sentejn priġunerija wara li ammetta l-akkużi fost oħrajn ta’ traffikar u pussess aggravat tad-droga kokaina kif ukoll pussess sempliċi ta’ eroina u kannabis.
L-Għawdxi ta’ 34 sena tressaq is-Sibt filgħaxija fil-Qorti t’Għawdex fejn wieġeb ħati wkoll li renda ruħu riċediv kif ukoll li wettaq dawn ir-reati f’distanza t’inqas minn 100 metru ta’ post frekwentat miż-żagħżagħ.
Din is-sejba kienet riżultat tal-ħidma sfieqa mwettqa mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga u mis-Sezzjoni tal-Klieb f’Għawdex wara diversi jiem ta’ osservazzjoni. Ir-raġe; kien arrestat is-Sibt filgħodu fil-Pjazza tat-Tokk fir-Rabat, Għawdex. Fil-karozza tiegħu nstabet id-droga msemmija kif ukoll instabet xi droga fir-residenza tiegħu.