Lokali

Wara aktar minn 24 siegħa ż-żagħżugħ għadu ma nstabx

Wara aktar minn 24 siegħa ta’ tfittxija – qalb mewġ qawwi jibla’ l-art – s’issa għad m’hemmx aħbar taż-żagħżugħ ta’ 24 sena li tul il-ġurnata tas-Sibt ma telax mill-baħar wara li niżel jgħum fl-inħawi magħrufa bħala fejn il-Ħofra, fl-Aħrax tal-Mellieħa, limiti tat-Torri l-Abjad.

Bl-uffiċċju meteoroloġiku ta’ Malta jbassar riħ qawwi b’Forza sitta sal-ħdax tal-Ħadd filgħaxija it-tfittxija għal ġuvni qed tkun ferm diffiċli għal membri tas-salvataġġ.

Fl-aħħar 24 siegħa fittxewh kemm fuq il-baħar kif ukoll permezz ta’ helikopter – iżda sfortunatament minkejja l-ħidma sfieqa tal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, flimkien mal-Pulizija, xorta waħda mhux magħruf x’setgħa sar miż-żagħżugħ b’kull ma jmur minn siegħa għall-oħra dejjem tonqos it-tama u ċ-ċans li jinstab ħaj.

Il-każ seħħ hekk kif f’temp ikkaratterizzat minn riħ qawwi 4 żagħżagħ reħewlha lejn l-Aħrax tal-Mellieħa, bi tnejn minnhom, żewġ żagħżagħ ta’ 21 u l-vittma ta 24 sena mill-Bangladesh iddeċiedu li jaqbżu jgħumu.

Inevitabbilment hawnhekk il-baranin spiċċaw f’diffikultà qalb il-baħar imqalleb bl-iżgħar fosthom jirnexxielu jitla’ l-art madanakollu l-ieħor ma rnexxielux. Filwaqt li t-tlett żagħżagħ ingħataw l-ewwel għajnuna permezz ta’ ambulanza fuq il-post kawża tax-xokk li ġarbu – il-ġuvni ta’ 21 sena ttieħed l-isptar Mater Dei għal aktar kura – madanakollu sfortunatament iż-żagħżugħ ta’ 24 sena għadu mitluf.

Kelliema għall-Pulizija li tkellmu ma’ NET NEWS spjegaw li tfittxija għadha fis-seħħ iżda huwa ċar li bir-riħ qawwi mill-Majjistral li qed jaħkem lill-Gżejjer Maltin tul il-jum ċertament li qed ikun ta’ sfida kbira għall-iskwadra ta’ tfittxija u salvataġġ.