Żewġ irġiel weġġgħu, wieħed minnhom serjament, f’inċidenti separati f’Ħal Lija u fis-Siġġiewi f’dawn l-aħħar sigħat.
L-ewwel inċident seħħ għall-ħabta tal-4p.m. fi Triq Lapsi is-Siġġiewi. Stqarrija tal-Pulizija tgħid li raġel ta’ nazzjonalita’ Torka, residenti San Ġiljan tilef il-kontroll tal-mutur Piaggio u nqaleb. Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ħa lir-raġel l-Isptar Mater Dei fejn iktar tard kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
It-tieni inċident kien iktar serju u seħħ fi Triq il-Kbira Ħal Lija, għall-ħabta tas-7p.m. Mill-ewwel stħarriġ tal-pulizija tad-Distrett irriżulta li seħħet ħabta bejn vettura tat-tip Mitsubishi misjuqa minn raġel ta’ 25 sena residenti n-Naxxar u mutur tat-tip SYM misjuq minn raġel ta’ nazzjonalita’ Pakistana. Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Isptar fejn iktar tard kien ċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia fetaħ inkjesta u ħatar esperti biex jassistu.
L-Investigazzjonijiet mill-Pulizija f’dawn iż-żewġ inċidenti għadhom għaddejjin.
//= $special ?>