Din is-sena il-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun qed tfakkar il-mitt sena minn mindu bdiet id-devozzjoni lejn Marija Immakulata.
Kien proprju fl-1920 meta minn sempliċi xewqa ta’ individwu li jarma ġewwa daru artal żgħir, bid-dawl tax-xemgħa, u madwaru jinġabru il-familji jitolbu u jgħidu r-rużarju. Dan l-individwu kien Pawlu Burlò fejn beda proprju jarma l-artal u jiġbor in-nies tul ix-xahar ta’ Mejju tal-istess sena.

Għal dan it-talb kienu jinġabru wkoll numru mdaqqas ta’ tfal li mbagħad lejn tmiem ix-xahar Burlò ġietu f’moħħu li jagħmel festin biex iħajjar iżjed it-tfal imorru għar-rużarju is-sena ta’ wara. Xegħel it-twieqi u l-bieb tad-dar, żejjen aktar l-artal tal-kappella, lesta l-ħelu u x-xorb għat-tfal li attendew bi ħġarhom għar-Rużarju u kantaw innijiet marjani.
Il-ħeġġa tat-tfal kaxkret ukoll lill-kbar, hekk li s-sena ta’ wara, it-tfal stiednu lil sħabhom u ġew ukoll xi ġenituri li lkoll imlew il-kmamar tad-dar ċkejkna tiegħu.
Din id-devozzjoni lejn Marija Immakulata baqgħet tikber għal għexieren ta’ snin, grazzi wkoll għall-ħidma kontinwa ta’ Dun Edgar Vella. Fl-1958, nhar it-23 ta’ Marzu, tpoġġiet l-ewwel ġebla tal-knisja tal-lum. Fl-1963 il-bini tal-knisja kien lest, u fl-1 ta’ Lulju 1966 hija saret Viċi Parroċċa. Sena u nofs wara hija saret parroċċa, fl-1 ta’ Jannar 1968.
