Futbol Sport

23 SENA ILU: Valletta jirbħu kontra Rabat f’jum iċ-ċelebrazzjoni tal-15-il kampjonat

(Ritratt: In-Nazzjon)

4 TA’ MEJJU 1997

Valletta ċċelebraw il-15-il kampjonat fl-istorja b’rebħa ta’ 5-2 kontra Rabat Ajax. Jekk il-ġurnata kienet ta’ festa għall-Beltin, għar-Rabtin kienet il-ġurnata li sellmu lill-Kampjonat Premier. Din il-partita kienet l-aħħar waħda għal Ronald Scerri, l-uniku plejer fit-tim Rabti li rebaħ l-ewwel kampjonat ta’ Rabat fl-1985.

DANILO DONCIC fetaħ l-iskor wara 11-il minuta meta b’opportuniżmu skorja wara li l-gowlkiper Kela ma żammx tentattiv ta’ Gilbert Agius. L-istess DANILO DONCIC skorja t-32 gowl f’dak il-kampjonat wara li rċieva passaġġ ta’ Lino Galea. L-iskor sar 3-0 man-nofs siegħa logħob b’gowl ta’ GILBERT AGIUS biex tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, JOE ZARB skorja r-raba’ gowl b’xutt mill-ewwel wara li rċieva mingħand Ivan Zammit.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Rabat naqqsu d-distakk b’azzjoni ta’ Joe Farrugia lejn ADRIAN MIFSUD li għeleb lil Sean Sullivan. Wara l-mistrieħ, Valletta naqqsu r-ritmu iżda xorta ppruvaw jiskorjaw. Ir-Rabtin skorjaw it-tieni gowl fit-72 minuta meta s-sostitut Stefan Giglio mess il-ballun b’idu fil-kaxxa u mill-11-il metru l-gowlkiper EDMOND KELA sab ix-xibka.

Ir-Rabtin setgħu daħlu fil-logħba iżda t-tentattiv ta’ Kevin Loughborough ħabat ma’ sieq il-lasta. Valletta serrħu rashom mir-rebħa bi slalom sabiħ ta’ Drasko Braunovic li qassam lejn il-captain KRIS LAFERLA li saħansitra kellu l-faċilità li jiskorja bit-takkuna. Wara l-logħba fl-assenza tal-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Joe Mifsud, il-Viċi President tal-MFA Freddie Mizzi ppreżenta t-trofew Coca Cola lill-captain ta’ Valletta Kris Laferla.

(Ritratt: In-Nazzjon)