4 TA’ MEJJU 1997
Id-data tal-4 ta’ Mejju ta’ 23 sena ilu tibqa’ mnaqqxa fl-istorja qasira ta’ Xgħajra Tornados. Dakinhar huma għelbu lil St. Patrick 2-1 f’logħba deċiżiva biex mhux biss ċaħħdu lill-ġirien mill-promozzjoni iżda kisbu l-promozzjoni fil-Kampjonat Premier għall-ewwel darba u telgħu bħala champions tal-Ewwel Diviżjoni. Xgħajra bdew jieħdu sehem fil-kampjonati tal-MFA fl-istaġun 1994/95 u kisbu promozzjonijiet konsekuttivi mit-Tielet għat-Tieni Diviżjoni u mit-Tieni għall-Ewwel Diviżjoni. B’hekk din il-promozzjoni kienet it-tielet waħda konsekuttiva u sabu ruħhom fil-Kampjonat Premier.
It-Tornados marru fil-vantaġġ wara biss ħames minuti meta Paul Lawrence beda azzjoni fuq il-lemin u wara li qabeż tliet plejers tefa’ kross lejn l-iżmarkat RENO GILI li skorja b’daqqa ta’ ras. Xgħajra rduppjaw fid-39 minuta meta reġa’ kien RENO GILI li skorja b’daqqa ta’ ras oħra, din id-darba wara kross ta’ Brian Bonnici. St. Patrick naqqsu d-distakk fis-67 minuta permezz ta’ KONRAD SULTANA wara azzjoni ta’ Pumpolouv. Iż-Żabbarin pruvaw isalvaw il-logħba fl-aħħar minuti bil-gowlkiper Armeni jdawwar f’korner xutt ta’ Bonnici.
Fi tmiem il-logħba, bdew iċ-ċelebrazzjonijiet mill-partitarji preżenti ta’ Xgħajra, bis-Segretarju Ġenerali tal-MFA Joe Sacco jippreżenta t-trofew lill-Viċi Captain Pawlu Grech. L-avventura ta’ Xgħajra fil-Kampjonat Premier damet biss għal staġun. Wara li fl-istaġun 1997/98 ġew relegati, Xgħajra reġgħu lagħbu fl-ogħla diviżjoni fl-istaġun 2000/01.
//= $special ?>