Lokali

AĠĠORNATA: Jinstab il-katavru taż-żagħżugħ li kien ilu mfittex mis-Sibt

Ġiet fi tmiemha t-tfittxija ta’ kważi 48 siegħa għaż-żagħżugħ ta’ 29 sena li s-Sibt li għadda niżel jgħum fl-inħawi ta’ fejn il-Ħofra, fl-Aħrax tal-Mellieħa, limiti tat-Torri l-Abjad.

Il-katavru tal-barrani nstab kważi żewġ mili ‘l barra mill-ponta tal-Aħrax tal-Mellieħa, u skont il-Pulizija ttella’ mill-baħar għall-ħabta tal-11:30 tat-Tnejn filgħodu.

Il-ġisem bla ħajja taż-żagħżugħ mill-Bangladesh, li jismu Chando Kamonasish, iddaħħal ftit aktar tard fuq l-art permezz ta’ patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta u tniżżel fuq il-moll tal-Marfa. Hemmhekk ġie identifikat bħala z-żagħżugħ ta’ 29 sena li kien intilef fil-baħar is-Sibt li għadda.

Miegħu dakinhar kellu żagħżugħ ta’ 21 sena mill-Bangladesh, li kien ukoll sab ruħu f’diffikulta fil-baħar, iżda kien irnexxielu jitla’.

It-traġedja seħħet is-Sibt li għadda għall-ħabta tal-4:30pm, f’jum li kien iddominat b’riħ u baħar qawwi.

Il-barranin kienu spiċċaw f’diffikultà qalb il-baħar imqalleb bl-iżgħar fosthom jirnexxielu jitla’ l-art, madanakollu l-ieħor ma rnexxielux. Maż-żgħażagħ kien hemm tnejn oħra li baqgħu fuq l-art.

It-tliet żgħażagħ ingħataw assistenza medika minħabba li kienu qed isofru minn xokk kbir – iż-żagħżugħ ta’ 21 sena ttieħed l-isptar Mater Dei biex jingħata aktar kura.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Charmaine Galea.