Lokali

Alfred Sant jiddeskrivi l-proċess tal-Gvern biex jinħatar il-Kummissarju bħala “karnivalata”

Il-mod ġdid ta’ kif se jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija huwa biss “karnivalata”. Hekk sejjaħlu l-eks Prim Ministru u eks Mexxej tal-Partit Laburista Alfred Sant, f’artiklu li ppubblika t-Tnejn fuq il-Malta Independent.

Sant tefa’ dubji fuq il-mod li bih se jintgħażel il-Kummissarju tal-Pulizija, fejn il-Gvern irid joħroġ is-sejħiet, jagħmel l-intervisti u jevalwa lill-applikanti, u wara jmur quddiem kumitat Parlamentari biex eventwalment, minn żewġ ismijiet, il-Prim Ministru xorta jkun hu li jagħżel isem wieħed. Għall-MEP Laburista Alfred Sant dan il-proċess huwa biss “karnivalata”.

Huwa qal li kieku Malta kienet akbar, bir-reġjuni li għandhom il-Kummissarju tagħhom, dan l-eżerċizzju kien jagħmel sens. Madankollu għal Malta, skont Alfred Sant, dan il-proċess huwa bla sens.

Intant il-ġimgħa l-oħra fil-Parlament il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-isfida ewlenija tal-Korp tal-Pulizija hi li jkollu Kummissarju li jitħalla jagħmel xogħolu u ma jkunx taħt il-manuvri tal-Gvern u tal-Prim Ministru b’mod dirett.

Adrian Delia qal li bil-mod kif se jinħatar il-Kummissarju se jkun hemm garanzija li mhu se jinbidel xejn, anzi żdiedet innovazzjoni ġdida fejn il-Kummissrju se jkun fuq probation ta’ sena. Taħt min se tkun din il-probation? staqsa Adrian Delia, illi spjega se jkun il-Prim Ministru li se jagħżel lill-Kummissarju tal-Pulizija iżda mhux ċar x’inhuma l-kundizzjonijiet ta’ din il-probation.

B’differenza, il-PN għadu qed jinsisti li l-Kummissarju l-ġdid għandu jinħatar bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-Parlament.