Lokali Parlament Saħħa

Attività ta’ għoti tad-demm fl-għeluq il-5 anniversarju mill-ftuħ tal-bini tal-Parlament

Fil-ħames anniversarju mill-ftuħ tal-bini tal-Parlament, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati flimkien ma’ membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra kif ukoll numru ta’ impjegati ħadu sehem f’attività ta’ għoti tad-demm li tittella’ kull sena biex jiġi kommemorat dan l-avveniment.

Jakkumpanjaw lill-Ispeaker Farrugia għal din l-attività fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi Gwardamanġa, kien hemm Glenn Bedingfield u Robert Cutajar, Whips tan-naħa tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni rispettivament, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġar tal-Ilma Michael Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Stefan Zrinzo Azzopardi.

It-tema magħżula għal din is-sena kienet ‘Nieħdu ħsieb xulxin ukoll billi nagħtu d-demm!’ bil-għan li jintbagħat messaġġ li f’dawn iż-żminijiet partikolari, xorta għad hemm il-ħtieġa li aktar nies jitħajru jagħmlu dan il-ġest nobbli. Dan għaliex minkejja d-diffikultajiet li qed niltaqgħu magħhom minnħabba l-COVID-19, xorta għad hemm trabi fl-NPICU, xorta għad hemm tfal, adolexxenti u adulti li qed jingħataw kura b’mod regolari għall-kanċer u għal mard ieħor kroniku. Barra minn hekk għad hemm persuni li jeħtiġilhom jgħaddu minn operazzjonijiet maġġuri minħabba li baqgħu jseħħu aċċidenti fit-toroq u fuq il-post tax-xogħol, li lkoll ikun jeħtiġilhom id-demm jew prodotti maħruġa minnu.

Jilqgħu lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati u lill-membri parlamentari fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi Gwardamangia, kien hemm Dr Alex Aquilina, Direttur tas-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-demm flimkien mas-Sur Tony Micallef, infermier inkarigat mir-relazzjonijiet pubbliċi tas-servizz, li spjegaw u urew il-miżuri li qed jittieħdu sabiex fid-dawl tal-imxija tal-COVID-19 ikunu protetti kemm id-donaturi kif ukoll il-professjonisti li jassistuhom.