Coronavirus Internazzjonali Saħħa

Boris Johnson mistenni jiżvela l-pjan ta’ ħruġ mil-lockdown nhar il-Ħadd

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, nhar il-Ħadd liġej, mistenni jagħti deskrizzjoni sħiħa dwar kif ir-Renju Unit se joħroġ mil-lockdown. Dan hekk kif din il-ġimgħa l-Gvern għandu jirrevedi r-restrizzjonijiet attwali.

In-negozjanti u t-trade unions qattgħu tmiem il-ġimgħa f’konsultazzjoni mal-Ministri, bil-għan li jistabbilixxu strateġija għall-ftuħ mill-ġdid ta. uħud mill-oqsma tal-ekonomija tar-Renju Unit.

Il-Ministru Michael Gove qal li xi miżuri ta’ social distancing se jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġi żviluppat vaċċin iżda żied jgħid li l-Gvern se jfittex li jerġa’ jġib ħajjet in-nies “kemm jista’ jkun għan-normal”.

Aktar tard illum, Boris Johson se jingħaqad ma’ wħud tal-mexxejja tad-dinja f’summit virtwali mmirat biex jiżdiedu l-isforzi globali sabiex jinstab vaċċin għal COVID-19 mill-aktar fiss.