Għalkemm mit-Tnejn fetħu mill-ġdid ħwienet u stabbilimenti kummerċjali, ħafna sidien xorta għażlu li ma jiftħux…jew jiftħu b’ħinijiet ridotti.
Il-ħwienet li fetħu jinkludu dawk tal-ħwejjeġ u taż-żraben, il-ġojjeleriji, tal-fjuri, banek tal-lottu, ħwienet tas-souvenirs, u tal-għamara fost l-oħrajn. Fetħu wkoll il-garaxxijiet tal-VRT … b’direttivi ta’ prekawzjonijiet mill-Awtorità tas-Saħħa Pubblika, fosthom l-obbligu li tintlibes maskra u li jkun hemm sanitisers biex kull min jidħol fil-ħwienet inaddaf idejh.

Filgħodu, il-maġġornaza tal-istabbilimenti kummerċjali fil-Belt kienu prattikament vojta, fejn saħansitra kien hemm ċerti ħwienet li ddeċidew biex ma jiftħux il-bibien tagħhom. Dan juri li l-pubbliku in ġenerali għadu jinsab xi ftit xettiku dwar il-fatt li reġgħu fetħu l-ħwienet, tant li ftit li xejn kienu dawk li marru biex jixtru fl-eqqel ta’ din il-krizi medika.
Tkellimna ma’ sid ta’ ħanut fil-Belt Valletta illi spjegalna li sakemm is-settur turistiku jerġa’ jiġi fuq saqajh, qed jistenna li l-bejgħ tiegħu jibqa’ wieħed minimu.
Diversi sidien ta’ ħwienet qasmu magħna t-tħassib tagħhom li mit-Tnejn zdidulhom l-ispejjeż. Dan għaliex iridu jibdew jergħu idahhlu lill-ħaddiema meta l-introjtu tagħhom huwa wieħed vera baxx.
Għalkemm l-użu tal-maskri mhux obbligatorju waqt li persuna tkun miexja fit-triq, wieħed seta’ jinnota għadd ta’ individwi li xorta kienu lebsin il-maskri.

U għalkemm fuq it-trapost pubbliku huwa obligatorju li wieħed jilbes maska protettiva, stajna ninnutaw numru ta’ persuni li xorta ma kinux lebsin maskra tal-wiċċ… fejn f’ċerti każi kien hemm sahansitra anke xufiera li ma kinux lebsin waħda.
//= $special ?>