Il-Kummissjoni Ewropea inawgurat kampanja globali għall-finanzjament tar-riċerka għal vaċċin u mediċini ġodda li jikkumbattu l-Covid-19. Dan meta qed issir konferenza virtwali bit-tama li l-pajjiżi u l-entitajiet filantropiċi jimpenjaw il-biljuni għar-riċerka — u meta l-coronavirus qed tkompli tinfirex mal-pajjiż fost it-telf ta’ ħajja kontinwa.
Sallum mhemm l-ebda prevenzjoni jew kura għall-Covid-19 iżda t-tama ma tonqosx li l-affarijiet jinbidlu. Il-mira ta’ din il-konferenza għall-mexxejja tad-dinja hi li jinġabru mas-7.5 biljun ewro li jsostnu l-impenji ta’ riċerka.
Il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson, wieħed mill-protagonisti wara l-konferenza virtwali, ħeġġeġ biex il-pajjiżi jiġbdu ħabel wieħed u spjega li d-dinja kollha tagħraf l-importanza ta’ vaċċin effettiv fi żmien kruċjali għad-dinja. Fil-preżent qed isiru t-testijiet ( madwar id-dinja) għal aktar minn 90 vaċċin potenzjali, iżda ftit biss se jkunu suġġetti għall-aħħar aħħar provi ‘determinanti’.
Fi żviluppi oħra…
L-ammont ta’ nies infettati bil-Covid-19 fil-Ġermanja jista’ ikun għaxar darbiet akbar mill-ammont ta’ każi li kienu konfermati mis-sorsi uffiċjali. Riċerkaturi mill-Università ta’ Bonn jikkalkulaw li mal-1.8 miljuni mardu bil-coronavirus u meta l-pajjiż irrapporta 160,000 każi konfermati.
Ir-Russja reġistrat 10,000 infezzjoni ġdida mill-Covid-19 għat-tieni jum konsekuttiv – bit-total nazzjonali ta’ infezzjonijiet jitilgħu għal 145,268.
Il-Ġappun iddeċieda li jestendi l-istat ta’ emerġenza sal-aħħar tax-xahar fuq il-parir tal-Gvern f’Tokjo. Dan wara li l-Gvern analizza l-aħħar żviluppi fil-pajjiż.
Il-Polonja qed tippermetti l-ftuħ mill-ġdid tal-lukandi, il-libreriji, il-mużewijiet u l-ħwienet – iżda r-ristoranti u l-istilisti tax-xagħar se jibqgħu magħluqin għalissa.
//= $special ?>