Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, wissa li sa 100,000 persuna f’pajjiżu kapaċi jitilfu ħajjithom mill-effetti tal-coronavirus.
Intant, waqt diskors li kien qed jagħmel bil-mezzi ta’ komunikazzjoni virtwali, Trump ċaħad li l-Gvern tiegħu ‘ma ħax il-passi mgħaġġlin biżżejjed’ biex jikkontrolla l-firxa tal-Covid-19 – li s’issa swiet ‘il ħajja ta’ ftit aktar minn 67,000 fl-Istati Uniti.
Fl-istess ħin, Trump jinsab ottmist li l-iżvilupp ta’ vaċċin għal kontra l-coronavirus ikun lest qabel l-aħħar tas-sena – minkejja li l-esperti jemmnu li dan it-tragward għandu jintlaħaq fi żmien sena, jew sena u nofs.
Filwaqt li Donald Trump qal li l-vaċċin ‘jista’ jasal aktar malajr milli qed naħsbu’, Anthony Fauci, l-espert ewlieni dwar il-mard li jittieħed fl-Istati Uniti, ma jaqbilx ma dan il-pronostiku. Fauci hu fost l-esperti li qalu li vaċċin mhux se jkun żviluppat qabel 18-il xahar oħra u li ‘huma minimi ferm’ iċ-ċansijiet li s-sitwazzjoni tinbidel.
Intant, il-President Trump ma jaċċetta bl-ebda mod li l-Gvern tiegħu baqa’ jitnikker jew li naqas milli jibni strateġija biex itaffi l-impatt qalil tal-coronavirus.
‘Għamilna dak kollu li stajna nagħmlu,’ qal Trump, li, fid-diskors, akkuża mill-ġdid liċ-Ċina b’li falliet li tevita li l-Covid-19 jinfirex minn artha għall-bqija tad-dinja.
‘Jien nemmen li ċ-Ċina wettqet żball storiku fiċ-ċirkustanzi u li r-reġim f’ Beijing ma jridx jammetti għall-iżball,’ sostna Trump. Hu, fl-istess ħin, fakkar li ‘iċ-Ċiniżi rrifjutaw u għadhom qed jirrifjutaw il-preżenza tal-investigaturi barranin f’pajjiżhom biex isiru jafu l-veru sors ta’ dan il-virus qattiel’.
//= $special ?>