Coronavirus Futbol Sport

Għaxar persuni mill-Bundesliga għandhom il-coronavirus

(Ritratt: EPA)

Għaxar persuni mill-ewwel żewġ diviżjonijiet tal-Ġermanja rritornaw pożittivi wara testijiet li sarulhom. Id-Deutsche Fußball Liga qalet li saru 1,724 testijiet fuq plejers u membri tal-istaff fis-36 tim tal-Bundesliga u Bundesliga 2.

L-assoċjazzjoni qalet li minn dawn it-testijiet li saru mill-Ħamis li għadda, kien hemm għaxar persuni pożittivi għal coronavirus. Dawn il-persuni ġew iżolati u se jsir test ieħor lil kulħadd din il-ġimgħa hekk kif il-klabbs qed jibnu biex jirritornaw għat-taħriġ sħiħ. Il-persuni pożittivi ma ġewx identifikati minn liema klabbs ġejjin.

Deċiżjoni dwar il-ħsibijiet li jirritornaw iż-żewġ kampjonati hi suġġett għal approvazzjoni mill-Gvern, b’laqgħa li se ssir nhar l-Erbgħa. Il-Bundesliga mhux mistenni jirritorna qabel is-16 ta’ Mejju.