Coronavirus Futbol Sport

Iċ-chairman tal-FA Ingliża mħasseb dwar ir-ritorn tal-partitarji fl-istadiums

(Ritratt: EPA)

Iċ-chairman tal-FA Ingliża Greg Clarke kkonferma tnaqqis ta’ madwar €85 miljun fl-ispejjeż tagħhom filwaqt li kkonferma t-tħassib tiegħu li l-partitarji mhux se jkunu fl-istadiums malajr. Kemm il-Premier League kif ukoll l-English Football League aċċettaw li jekk il-partiti jintlagħbu fil-futur immedjat, dawn iridu jintlagħbu bil-bibien magħluqa kawża tal-coronavirus.

Rapporti fil-media Ingliża qed jgħidu li waqt laqgħa bejn il-klabbs il-Ġimgħa li għadda, intqal li l-logħbiet li fadal tal-istaġun 2019/20 iridu jintlagħbu fi stadiums newtrali. Clarke qal li fir-realtà ma jafux kif se jseħħu l-affarijiet. “Bid-distanza soċjali għal xi żmien, se jkollna naffaċċjaw bidliet sostanzjali fis-sistema tal-futbol. Eżempju hu diffiċli biex naraw il-folol ta’ partitarji – li huma l-ħajja tal-logħba – jirritornaw lejn il-logħbiet fil-viċin.”

Clarke qal li minħabba l-inċertezza kontinwa, il-bord qabel li jaqta’ madwar €85 miljun mill-ispejjeż tal-assoċjazzjoni. Hu qal li fl-agħar xenarju, ikun neċessarju li fl-erba’ snin li ġejjin jagħmlu tajjeb għal defiċit ta’ madwar €340 miljun.