Nhar is-Sibt 25 ta’April tfakkar il-Jum Dinji Internazzjonali tat-Taiji. Din is-sena minħabba l-pandemija tal-Covid-19 dan il-Jum tfakkar b’mod virtwali.
Fil-passat, fl-aħħar Sibt ta’ April ħafna nies madwar id-dinja kienu jiltaqgħu flimkien biex jagħtu diversi rappreżentazzjonijiet, biex fl-istess waqt jippromwovu il-benefiċċji għas-saħħa li joffri it-Taiji.
Minħabba ir-restrizzjonjiet preżenti ċ-China Cultural Centre f’Malta b’kollaborazzjoni mal-Wang Zhanjun Taiji Association, il-Malta Wushu Federation u l-Malta Martial Arts Association, Malta Yang Family Taiji, Malta School of Wushu u Taiji Blue Sea, organizzaw Taiji seminar virtwali li tmexxa mill-għalliem ewlieni Master Ye Xuan.
Bix-xemx tiżreġ fil-Provinċja ta’ Jiangsu Province, fiċ-Ċina Master Ye Xuan deher fuq l-iskrijns tal-parteċipanti kollha fi ġnien tipiku Ċiniż u fl-isfond dehru kitbiet bil-motto tal-Wang Zhanjun Taiji Association li kien jgħid “Iret u ġib l-ordni, mexxi u ġib ‘il quddiem modi ġodda ta’ saħħa, fittex it-triq it-tajba u inkoraġixxi lill-oħrajn jagħmlu l-istess.”
Master Ye Xuan fetaħ dan is-seminar billi iddeskriva l-valur tat-Taiji, li jgħin biex jipprevjeni u jitratta diversi problemi ta’ saħħa bħall-osteoporożi u enterite kronika.
Meta wieħed jipprattika t-Taiji, se jitgħallem fil-prattika kif jieħu nifs tajjeb mid-dijaframma u allura nifsijiet fil-fond u fit-tul. Dan itejjeb u jżid l-ossiġenu fl-organi diversi tal-ġisem. Taiji huwa art marzjali li għandu impatt baxx.
Il-movimenti flimkien ma’ nifsijiet adegwati u kif suppost jgħinu ukoll biex wieħed jikkalma. Wara li spjega dan kollu, Master Ye Xuan irrisponda għal mistoqsijiet li għamlulu l-parteċipanti. Il-qofol tas-seminar intlaħaq b’wirja eċċezzjonali ta’ Master Ye Xuan innifsu.
L-għalliema lokali ukoll urew il-kapaċitajiet tagħhom f’dan ir-rigward. Dan is-seminar offra opportunità meraviljuża lil dawk kollha preżenti u matul is-seminar spikkaw l-atmosfera ta’ ħbiberija flimkien mas-sens ta’ għaqda u solidarjetà. Fatturi li rnexxilhom ikomplu minkejja l-isfida kbira li qed iġibu magħhom iċ-ċirkostanzi preżenti.
Għal aktar informazzjoni ikkuntattjaw lil Tai Chi Malta fuq 99256363.
