Lokali Parlament

Il-Ministru tal-Intern jaħrab milli jwieġeb dwar in-nuqqas ta’ qbil ta’ Alfred Sant mal-Gvern dwar il-Kummissarju tal-Pulizija

Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri ħarab milli jwieġeb u jagħti reazzjoni għall-kritika li għamel l-ex Mexxe Laburista Alfred Sant dwar il-mod kif il-gvern Laburista se jkun qed jaħtar il-Kummissarju tal-Pulizija.

Kienu d-deputati Nazzjonalisti Beppe Fenech Adami u Chris Said li rriferew għal dak li qal Alfred Sant dwar il-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija li ddikjara li l-mod kif il-Gvern se jkun qed jagħżel il-Kummissarju tal-Pulizija jagħmilx sens u li ‘qed nidħku bin-nies’.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li hu juri rispett lejn id-deputati kollha u kompla li Alfred Sant għandu opinjoni differenti mill-Gvern iżda qed jitkellem ukoll dwar diversi bidliet fil-Korp tal-Pulizija li għadhom ma sarux.

Il-Ministru Camilleri qal li se jibqa’ juri rispett lejn dawk li ma jaqblux mal-proposti tal-gvern u sostna li l-gvern jemmen li m’għandux ikun il-politiku li jkollu deċiżjoni fl-għażla tal-Kummissarju tal-Pulizija.