Futbol Sport

Illum il-71 anniversarju mit-traġedja ta’ Superga

4 TA’ MEJJU 1949

Id-diżastru ta’ Superga seħħ bħal-lum 71 sena ilu meta ajruplan Fiat G.212 tal-linja Taljana Avio Linee Italiane kien qed iġorr it-tim kollu ta’ Torino li dak iż-żmien kien magħruf bħala l-Grande Torino. L-ajruplan kien daħal fil-ħajt ta’ wara tal-Bażilika ta’ Superga li tinsab fl-għolja ta’ Turin. Fl-inċident, mietu l-31 persuna abbord, inkluż it-tim kollu ta’ Torino, li f’dak iż-żmien kienu kważi t-tim nazzjonali Taljan. L-ajruplan kien fil-vjaġġ tiegħu biex iwassal lit-tim lura minn Lisbona, fejn kienu lagħbu partita’ ta’ ħbiberija kontra Benfica. Il-vjaġġ beda fl-9.40am u wasal fl-ajruport ta’ Barcelona fis-1.00pm. Ftit anqas minn sagħtejn wara, l-ajruplan telaq minn Barcelona b’direzzjoni lejn l-ajruport Turin-Aeritalia.

Fuq Savona, l-ajruplan ġibed lejn it-tramuntana b’direzzjoni lejn Piemonte b’madwar nofs siegħa distanza. Ftit minuti wara l-5.00pm, l-ajruplan dar lejn ix-xellug u kien qed jipprepara biex jinżel, meta ħabat fuq in-naħa ta’ wara tal-Bażilika ta’ Superga. Probabbilment minħabba l-kundizzjoni tat-temp, il-pilota beda jaħseb li l-għolja ta’ Superga kienet fuq in-naħa ta’ lemin u meta ra quddiemu kien tard wisq biex jirreaġixxi. Żewġ minuti wara, it-torri ma rċieva l-ebda risposta.

Ix-xogħol biex jiġu identifikati l-vittmi kien fdat f’idejn l-eks kowċ nazzjonali Taljan Vittorio Pozzo li kien sejjaħ ħafna mill-plejers ta’ Torino mal-Azzurri. Uħud mill-fdalijiet tal-plejers huma preservati fil-mużew ta’ Grugliasco ħdejn Turin. Il-mużew tal-Grande Torino li jinsab fil-Villa Claretta Assandri ta’ Grugliasco infetaħ f’għeluq id-59 sena mit-traġedja.

Fis-6 ta’ Mejju, Torino kienu ddikjarati champions tal-istaġun 1948/49. L-avversarji flimkien ma’ Torino, lagħbu bit-timijiet tal-Primavera fl-erba’ partiti li kien fadal. B’hekk rebħu s-Serie A għal ħames staġuni konsekuttivi. Fil-ġurnata tal-funeral, kważi miljun persuna ħonqu t-toroq ta’ Turin biex isellmu għall-aħħar darba lill-plejers tagħhom. Ix-xokk fil-poplu Taljan kien tant kbir li s-sena ta’ wara, it-tim nazzjonali Taljan mar għat-Tazza tad-Dinja tal-1950 fil-Brażil bil-baħar.